ĦREJJEF huwa proġett b’risq l-istudenti tal-ewwel sentejn tas-Sekondarja. Jgħaqqad flimkien ġabra ta’ stejjer tradizzjonali Maltin flimkien ma’ mużika kontemporanja għall-pjanu, u animazzjoni 3D fuq l-istil ta’ pupazzi silwettati (shadow puppetry). F’dan il-proġett, l-attur Joseph Galea jirrakkonta ġabra ta’ ħrejjef Maltin b’akkumpanjament fuq il-pjanu minn Tricia Dawn Williams. Il-mużika oriġinali ta’ dan il-proġett, fuq idjoma kontemporanja, hija tal-kompożitur Ruben Zahra. Għal kull ħrafa hemm projezzjoni ta’ animazzjoni diġitali 3D li nħadmet fuq stil ta’ pupazzi silwettati. Id-disinn dekorattiv tal-animazzjoni huwa ispirat minn elementi ta’ arti Barokka, filigranu, bizzilla u tberfil. Id-disinn huwa xogħol l-artista Nel Pace. L-animazzjoni diġitali ta’ Martin Bonnici.
L-Akkademja tal-Malti qed tistiednek tattendi ċ-ċinema tal-Kavallier ta’ San Ġakbu (li huwa armat biex juri projezzjoni 3D) nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Diċembru fil-5pm. Għal din id-darba tista’ ġġib lil sħabek u lin-neputijiet. Din l-esperjenza ma tinsihiex. Dħul b’xejn.
L-Akkademja tirringrazzja lil Ruben Zahra u lill-Kavallier ta’ San Ġakbu talli qed jorganizzaw din l-attività wara t-talba tagħna. Dan kollu wara li rajna l-proġett waqt il-festival Żigużajg ta’ dis-sena. Ir-rispons immedjat tat-tfal ma ħalliniex bi kwietna u qed ningħaqdu mal-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat u mal-Kapijiet tad-Dipartiment Phyllis Debono u Claire Zerafa biex mis-sena d-dieħla niktbu lill-iskejjel kollha tas-Sekondarja u ngħarrfuhom bil-proġett ĦREJJEF li qed isaħħar lil min jarah wara dan il-ġeneru tal-letteratura Maltija.
Min biħsiebu jiġi, nitolbuh jikteb lil Joe Borg, is-Segretarju tal-Akkademja info@akkademjatalmalti.com . Nitolbukom tgħidulna kemm ġejjin għax it-teatru jesa’ 100 ruħ biss.
Kitba ta’ Dr Adrian Grima – Lettur anzjan fid-Dipartiment tal-Malti, Università ta’ Malta
Mal-5000 student u studenta tal-ħames klassi tas-sekondarja qed iħejju għall-eżami l-ġdid tal-Malti li se jsir f’Mejju li ġej. Għall-ewwel darba se jkollhom karta tal-letteratura li tirrifletti r-realtajiet tagħhom bħala tfajliet u ġuvintur ta’ ħmistax, sittax-il sena. Fl-istess ħin is-sillabu jippreżentalhom firxa ta’ kitbiet differenti li juruhom x’jistgħu jagħmlu huma stess bil-lingwa.
Kif taħdem il-letteratura
Il-letteratura mhix iżjed ittrattata bħallikieku maħżen ta’ informazzjoni dwar l-istorja ta’ Malta, jew dwar ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, imma bħala għodda li tinqeda bi strateġiji partikolari.
Uħud minn dawn l-istrateġiji ta’ diskors nużawhom fid-diskors tagħna ta’ kuljum. Fosthom insibu l-għażla attenta tal-kliem u tal-ħsejjes li joħloq, it-ton, ir-ripetizzjoni, ix-xbihat, il-metafori, u l-mistoqsija rettorika. Imma fil-letteratura l-istil huwa sikwit iktar maħsub kultant iktar fin, u kapaċi jagħmel affarijiet li fit-taħdit ta’ kuljum m’għandniex l-opportunità li nagħmlu. L-istudenti jridu jiflu kif taħdem il-letteratura, jiġifieri l-lingwa li f’ċerti aspetti tkun fl-aqwa tagħha.
Is-sillabu l-ġdid (li jien ma kelli xejn x’naqsam mat-tfassil tiegħu) jittratta l-letteratura bħala forma speċjali ta’ lingwa li biha kapaċi toħloq għadd ta’ effetti. L-istudenti jridu jidentifikaw ċerti strateġiji letterarji, bħal dawk li semmejt, u jaraw x’effetti qed joħolqu. B’dan il-mod għandhom l-opportunità li jesploraw il-mod speċjali kif tintuża l-lingwa fil-letteratura. U bl-għajnuna tal-għalliema, jistgħu jesploraw, kull wieħed u kull waħda minnhom skont l-interessi u l-esperjenzi tagħhom, x’jistgħu jagħmlu huma biex jesprimu lilhom infushom. U kif jistgħu jirrakkontaw id-dinja ta’ madwarhom.
Kitba u qari intelliġenti tal-lingwa
Il-qari bir-reqqa tal-letteratura u l-investigazzjoni tal-istrateġiji li tuża biex tirrakkona ġrajja jew twassal ħsibijiet u emozzjonijiet jitlob sengħa oħra li fid-dinja verbali kumplessa tal-lum hija kruċjali: is-sengħa tal-interpretazzjoni. Studenti f’pajjiżi oħrajn jibqgħu jistudjaw il-letteratura sa tmiem l-iskola obbligatorja tagħhom proprju biex jiksbu, fost l-oħrajn, din il-ħila interpretattiva. Għax dawk li għandhom għarfien tajjeb tal-letteratura jispikkaw minħabba l-ħakma tajba li jkollhom tal-interpretazzjoni u l-espressjoni.
Ħabiba Taljana tgħidli li l-istudju tal-letteratura u ġeneri oħrajn ta’ kitba sal-eżami tal-maturità kien kruċjali għaliha biex tifhem u tapprezza xi jkun qed jiġri meta l-lingwa tintuża b’mod kreattiv u kultant sovverżiv. L-enfasi fuq l-għarfien tal-letteratura u l-interpretazzjoni dinamika tagħha tagħti lok għat-tip ta’ elokwenza li s-soċjetà tagħna nieqsa minnha meta tqabbilha ma’ soċjetajiet oħrajn.
Neħtieġu mhux inqas imma iżjed letteratura u għarfien tal-mekkaniżmu tagħha. Mhux riproduzzjoni ta’ formoli stabbiliti imma qari intelliġenti u interazzjoni mat-test letterarju li jirrispetta mhux biss lit-test innifsu imma anke lill-istudenti u l-individwalità tagħhom.
Tgħid mhux hekk?
Fost dawk li qed jaqraw dan l-artiklu żgur li hemm min qed jitbissem b’ċerta qrusa u jgħid f’qalbu: Tgħid mhux hekk? Għax ma jiġix fil-klassi tiegħi u jippruvahom hu dawn l-affarijiet?
L-ewwel nett, la jien u lanqas nippretendi li jien pedagoġista. Ma speċjalizzajtx fit-tagħlim tal-letteratura. L-ispeċjalizzazzjoni tiegħi hija fil-letteratura nfisha. Studjajt kif tinbena, kif taħdem, għax issaħħarna. U naqbel mad-direzzjoni interessanti tas-sillabu l-ġdid għax toħroġ min-natura stess tal-letteratura meta tkun maħduma b’reqqa kbira (avolja tinħass mexxejja). Fl-istess ħin tibqa’ miftuħa għall-qari individwali tagħna.
Imma naqbel ukoll ma’ din l-enfasi fuq kif taħdem il-letteratura għax naf ħafna għalliema u studenti li dawn l-affarijiet li jistgħu jidhru avventurużi wisq għalina f’Malta għamluhom fil-klassi ferm qabel ma daħal is-sillabu l-ġdid. L-eżami l-ġdid jagħtik l-opportunità li turi li taf kif taħdem il-letteratura u l-effetti li joħolqu l-istrateġiji individwali u kollettivi tagħha.
Nemmen li fl-istudji tal-Malti mhux dejjem irrispettajna l-potenzjal tal-lingwa u l-letteratura nazzjonali tagħna. Donnu dak li nagħmlu b’lingwi u letteraturi oħrajn aħna stess ma nistgħux nagħmluh b’tagħna. Qisha l-letteratura Maltija qiegħda hemm biss biex tbellgħalna patrijottiżmu stilizzat, reliġjon fissa, natura idealizzata, imħabba prefabbrikata. U mhux importanti ninvestigaw kif qed tagħmel dawn l-affarijiet u nipproblematizzawhom.
Barra minn hekk, mhux dejjem għarafna u rrispettajna biżżejjed il-potenzjal kollu tal-istudenti. Il-letteratura hija l-arti li tieħu l-lingwa sat-tarf nett tagħha. Li taqbeż il-konfini tal-istabbilit. Li tissorprendina. U b’dan il-mod l-esperjenza jew il-ġrajja li tirrakkona tqegħedhielna quddiemna b’ħeffa u luċidità li jħallu s-sinjal tagħhom fuqna. Dan kollu nintebħu bih għax għandna qarrejja intelliġenti, li kapaċi jaraw taħt il-wiċċ, jaraw konnessjonijiet mhux ovvji, jilmħu implikazzjonijiet. F’dinja miżgħuda b’lingwaġġ sikwit elementari bl-iskuża li hu “dirett,” il-ħila fl-espressjoni u l-interpretazzjoni jistgħu jbatu. Is-sillabu l-ġdid tal-Malti jressaq quddiemna l-possibbiltà li nesploraw użi intelliġenti tal-lingwa.
Il-kitbiet għall-analiżi
Ladarba l-enfasi mhix fuq it-tematika imma fuq il-mekkaniżmi u l-istili tal-letteratura, is-sillabu jipproponi numru żgħir ta’ kitbiet letterarji Maltin biex l-istudenti jagħmlu analiżi bir-reqqa li twassal għal interpretazzjoni iktar matura tagħhom. Għax għalkemm l-enfasi hija fuq kif taħdem il-letteratura, fl-aħħar mill-aħħar din dejjem twassal ukoll għal interpretazzjoni tat-temi li tqanqal.
Il-bord maħtur mill-uffiċċju tal-Matsec għamel l-għażliet tiegħu. Kollox ma’ kollox naħseb li hemm bilanċ pożittiv bejn kitbiet li jirriflettu l-esperjenzi li jgħixu l-istudenti u r-realtajiet kbar u żgħar li jiltaqgħu magħhom, iridu jew ma jridux, fil-ħajja tagħhom. L-idea li jkun hemm rumanzett naqbel magħha għax tagħti lill-istudenti l-opportunità li jaraw xi strateġiji jistgħu jitħaddmu f’xogħol daqsxejn twil. Seta’ ntgħażel xogħol iktar stilistikament u tematikament avventuruż u qrib tal-esperjenza taż-żgħażagħ ta’ ħmistax jew sittax-il sena.
Nittama li l-bord ma ħassux limitat fl-għażla tiegħu minħabba kwistjonijiet “morali,” minħabba xi kelma vulgari ‘l hawn u ‘l hemm (minn dawk li nlissnu tista’ tgħid kollha kemm aħna kuljum), jew minħabba temi meqjusin “skabrużi.” Issa li daħal dan is-sillabu l-ġdid, meta jsir aġġornament tiegħu l-bord il-ġdid jista’ jikkunsidra rumanzi oħrajn.
Imma Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer, ir-rumanzett li hemm bħalissa, għandu l-merti importanti tiegħu għax jippreżenta temi u jħaddem strateġiji narrattivi li huma interessanti ħafna fihom infushom u eventwalment jistgħu jħaddmuhom l-istudenti meta jesprimu ruħhom huma.
Il-letteratura fil-lingwa
Il-letteratura tagħmel l-istudju tal-lingwa iktar interessanti. Kapaċi tmiss lill-istudenti fil-laħam il-ħaj.
Permezz tal-letteratura Maltija, l-għalliema jistgħu jagħtu lill-istudenti l-opportunità li jħaddmu huma, għalihom infushom u għal xulxin, il-lingwa tagħhom b’mod kreattiv biex jinterpretaw dak li jaqraw. Barra minn hekk, jistgħu jesprimu lilhom infushom bħala individwi u bħala ċittadini Maltin ta’ dinja dejjem aktar żgħira u fl-istess ħin ikkumplikata.
Il-letteratura hija kondensazzjoni kreattiva, imprevedibbli, kultant imqarba ta’ lingwa mill-aqwa li tistħarreġ il-persuna u l-komunità fost l-oħrajn permezz tal-istorja, il-psikoloġija, il-filosofija, is-soċjoloġija, u l-ġografija. Meta jkun fl-aqwa tiegħu, it-tagħlim tal-letteratura joffri opportunità unika biex l-istudenti jiskopru d-dinja ta’ ġewwa u ta’ barra. Jitgħallmu jagħrfu li huma wkoll għandhom quddiemhom għodod letterarji li bihom jistgħu jesprimu lilhom infushom f’dinja dejjem aktar medjatizzata li fiha l-kelma saret għodda verament b’saħħitha.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta “Torċa” tal-Ħadd, 17 ta’ Novembru 2013.
Jekk ix-xhur kollha tas-sena huma ddedikati lil xi ħadd jew xi ħaġa, żgur li Ottubru għalina l-Maltin, għandu jkun iddedikat lil Dun Karm Psaila. Dan għax f’dan ix-xahar insibu l-anniversarji kemm tat-twelid kif ukoll tal-mewt tiegħu.
Forsi aħna bħala Maltin ma napprezzawx biżżejjed il-kobor ta’ Dun Karm għax ma tantx nafu fuqu ħlief li hu l-poeta nazzjonali u li kiteb l-Innu Malti. Imma aħna l-għalliema ma nistgħux ma nirrikonoxxux li Dun Karm hu għal Malta dak li Dante hu għall-Italja. Hu jispikka mill-poeti kollha ta’ żmienu u anke ta’ warajh għax kien mgħallem tal-lingwa u kiteb poeżiji li nistgħu ngħidulhom ‘ta’ veru’. Kellu kapaċità kbira li juża Malti mirqum u magħżul u ta’ livell għoli. Tant hu hekk li kien ta’ ispirazzjoni għall-poeti ta’ żmienu bħal Vassallo, Briffa, Buttigieg u Pisani. Baqa’ u għadu jinfluwenza lill-poeti kontemporanji u dejjem kien għalihom punt ta’ riferiment.
Dun Karm kien bniedem b’moħħ miftuħ u ttratta tajjeb ferm it-temi li għażel. It-temi tiegħu jvarjaw bejn reliġjon, patrijottiżmu, l-ambjent u anke poeżiji personali bħal ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ fejn joħorġu ċari d-dubji tiegħu. Jidher ċar li hu kien mgħallem għax kull fejn resaq hu eċċella. Kiteb anke ħafna innijiet reliġjużi li baqgħu f’moħħ u f’qalb il-Maltin. Kif tista’ ma tiftakarx il-versi sbieħ ta’ ‘L-Innu ta’ Filgħaxija’?
Mhux ta’ b’xejn li Dun Karm intgħażel biex ikun il-poeta nazzjonali, għax hu għandu post għalih waħdu fil-letteratura tagħna. Jalla aħna nħeġġu l-istudenti tagħna biex japprezzaw ix-xogħlijiet profondi li kien kapaċi jikteb dan il-poeta kbir.
Maria Abela Claudia Agius Claudette Aquilina Keith Attard Kit Azzopardi Dorianne Bartolo Anne Marie Bonnici Oriana Bonnici Audrey Borg Donna Borg Marilyn Borg Sephora Borg Steven Borg MaryAnn Bugeja Mauro Camilleri Saoirse Casha Doreen Coleiro Phyllis Debono Elizabeth Dimech Ghirxi Charlene Ellul Janine Ellul Leanne Ellul Sarah Ellul Stefano Farrugia Marquita Galea Paul Galea Wilma Galea Marisa Gatt Francesco Grech Carlston Grima Ramona Magro Marica Micallef Sharon Micallef Cann Carmen Mifsud Lilian Mizzi Brandon Muscat Dougall Bertram Portelli Deborah Pullicino Victor Said Victoria Saliba Xuereb Maris Sant Rachel Saydon Ann Marie Schembri Sharon Scerri Romario Sciberras Kurt Slattery Oriana Spiteri Marienza Spiteri Amanda Tanti Elena Tanti Gregoraci Jacqueline Tonna Clint Xuereb Nevisse Zammit Micallef Claire Zerafa