Jekk ix-xhur kollha tas-sena huma ddedikati lil xi ħadd jew xi ħaġa, żgur li Ottubru għalina l-Maltin, għandu jkun iddedikat lil Dun Karm Psaila. Dan għax f’dan ix-xahar insibu l-anniversarji kemm tat-twelid kif ukoll tal-mewt tiegħu.
Forsi aħna bħala Maltin ma napprezzawx biżżejjed il-kobor ta’ Dun Karm għax ma tantx nafu fuqu ħlief li hu l-poeta nazzjonali u li kiteb l-Innu Malti. Imma aħna l-għalliema ma nistgħux ma nirrikonoxxux li Dun Karm hu għal Malta dak li Dante hu għall-Italja. Hu jispikka mill-poeti kollha ta’ żmienu u anke ta’ warajh għax kien mgħallem tal-lingwa u kiteb poeżiji li nistgħu ngħidulhom ‘ta’ veru’. Kellu kapaċità kbira li juża Malti mirqum u magħżul u ta’ livell għoli. Tant hu hekk li kien ta’ ispirazzjoni għall-poeti ta’ żmienu bħal Vassallo, Briffa, Buttigieg u Pisani. Baqa’ u għadu jinfluwenza lill-poeti kontemporanji u dejjem kien għalihom punt ta’ riferiment.
Dun Karm kien bniedem b’moħħ miftuħ u ttratta tajjeb ferm it-temi li għażel. It-temi tiegħu jvarjaw bejn reliġjon, patrijottiżmu, l-ambjent u anke poeżiji personali bħal ‘Il-Jien u Lilhinn Minnu’ fejn joħorġu ċari d-dubji tiegħu. Jidher ċar li hu kien mgħallem għax kull fejn resaq hu eċċella. Kiteb anke ħafna innijiet reliġjużi li baqgħu f’moħħ u f’qalb il-Maltin. Kif tista’ ma tiftakarx il-versi sbieħ ta’ ‘L-Innu ta’ Filgħaxija’?
Mhux ta’ b’xejn li Dun Karm intgħażel biex ikun il-poeta nazzjonali, għax hu għandu post għalih waħdu fil-letteratura tagħna. Jalla aħna nħeġġu l-istudenti tagħna biex japprezzaw ix-xogħlijiet profondi li kien kapaċi jikteb dan il-poeta kbir.