M’Aħniex se Nbaxxu Rasna

 

Suppost inbaxxu rasna, nibqgħu siekta,
Nikkuntentaw bil-loqom tal-futur.
Nintefgħu f’ġenb biex jiġru fostna l-gafef,
inwarrbu biex inħallu r-rota ddur.

Suppost inxammru l-kmiem, immiddu jdejna,
Kull roqgħa xagħri u blat, kull ftit ħamrija,
naraw kif se nħaffruha, kif nibnuha,
nisquha l-juice tal-konkos bħal tarbija.

Suppost noħolmu kbir bil-bini għoli
Biex bħall-allat immissu d-dawl tas-sema.
Imbagħad mill-isqaqien, qalb trab u skużi,
Inlaqqtu d-dlam u l-ġenn li jkun inġema’.

Imm’aħna mhux biħsiebna nbaxxu rasna.
Lil ħalqna m’għandna ebda ħsieb nagħlquh.
Għax l-art, id-dawl, għax l-arja ġid komuni,
tal-ħlejjaq kollha b’nifs u b’qalb u b’ruħ.

M’aħniex se nobżqu fl-arja għal ġo f’wiċċna
nagħmluha tal-allat tas-sema u l-art.
M’aħniex se nilbsu l-għamad, ngħaddu gaffa,
u nwellu lil uliedna trab u mard.

Xammarna l-kmiem għax għandna ħolma ċkejkna
li kull maħluq, sal-inqas ħlejqa msejkna,
jistħoqqlu jgawdi l-ward li jfuħ f’ħajjitna,
jistħoqqlu l-art u d-dawl u n-nifs li writna.

Adrian Grima
Pembroke | 19.7.17