Il-Ħarsa ta’ Rużann

X’jaħsbu l-istudenti?

Kummenti ta’ xi wħud:

“Lili r-rumanzett għoġobni ħafna, minħabba l-mod kif inhu miktub. L-aktar ħaġa li għoġbitni dwar dan ir-rumanzett hi l-mod ta’ kif Francis Ebejer joħroġ l-istorja ta’ Malta permezz tad-diversi karattri.  Għalkemm xi drabi l-awtur juża kliem tqil, huwa jagħżel kull kelma perfettament biex taqbel mal-ħsieb tiegħu. Ir-rumanz iġiegħel lill-qarrej biex jaħseb fuq l-istorja ta’ pajjiżu, u b’hekk iġiegħlu japprezza aktar dak kollu li hu Malti. Dan ir-rumanzett iqajjem diskussjonijiet interessanti, kemm waqt il-lezzjonijiet, u anke fil-kitba tal-komponiment letterarju.”  – Kristina Bartolo, Skola St Joseph, Tas-Sliema.

“Nista’ ngħid li wara li qrajt dan ir-rumanzett, bdejt napprezza verament il-passat iebes tal-Maltin u dak kollu li għaddew minnu sabiex Malta ssir dak li hi llum, pajjiż ħieles u indipendenti. Bis-saħħa ta’ dan ir-rumanzett, sirt ngħożż l-identità tiegħi bħala Maltija u l-valuri sodi bħad-determinazzjoni, il-perseveranza u l-bżulija tal-poplu Malti. Jien dak li jien bis-saħħa ta’ dak kollu li għaddew minnu missirijietna. Kburija li writt identità tassew rikka b’għeruq fondi.”  – Marta Cachia, Skola St Joseph, Tas-Sliema.

“Personalment, qabel ma konna għamilna dan ir-rumanz fil-klassi u studjanieh sew, jiena ma kontx napprezza li jiena Maltija u li ngħix Malta. Meta għall-ewwel bdejna naqraw Il-Ħarsa ta’ Rużann ma tantx sibtu faċli biex nifhmu iżda wara ftit lezzjonijiet bdejt nitgħallem ħafna minnu dwar il-Maltin u minn xiex kellhom jgħaddu l-antenati tiegħi.B’hekk sirt napprezza dak kollu li nara madwari, li hu Malti, u llum insibni aktar aġġornata dwar l-istorja ta’ pajjiżi. Inħossni kburija li jien Maltija għaliex ir-rumanz għinni nifhem kemm kellhom triq twila l-Maltin ta’ qabel biex jemanċipaw ruħhom u jaslu sa fejn aħna llum. Inħoss tassew li jien għaddejt minn esperjenza straordinarja u emanċipajt ruħi jien ukoll minħabba dan il-ktieb u x’tgħallimt minnu. Verament ma ndunajtx kemm kien qed jidħol xorti ġo moħħi u kemm kont qed insir napprezza aktar lill-identità tiegħi bħala Maltija!”  – Angele Galea Cesareo, Skola St Joseph, Tas-Sliema

“Ir-rumanzett ‘Il-Ħarsa ta’ Ruzann’ jittratta dwar l-emanċipazzjoni Maltija, immanifestata f’karattri fittizji u l-kontinwità tal-emanċipazzjoni tal-Maltin. Huwa rumanzett imżewwaq b’Malti mirqum li huwa kemxejn diffiċli biex tifhmu. Madankollu huwa rumanzett li jgħin lilna l-istudenti nagħrfu u napprezzaw l-identità tagħna u nintebħu bit-tbatija li għaddew minnha l-antenati tagħna. Għaldaqstant aħna frott il-passat u Ebejer joħroġ l-element tal-kontinwità; ir-rabta tal-passat mal-preżent u mal-futur. Ir-rumanzett jispiċċa bil-kliem ‘BLA TMIEM’ għaliex metaforikament, il-ħarsa ta’ Rużann qiegħda f’kull wieħed u waħda minnha u din il-ħarsa tieqaf biss meta l-eżistenza tal-Maltin tispiċċa. Ir- rumanzett ta’ Francis Ebejer, ‘ Il-ħarsa ta’ Rużann’ jgħn lill-istudenti japprezzaw l-identità tagħhom stess.”  – Caroline Vassallo, Skola St Joseph, Tas-Sliema

“Biex ngħid il-verità, meta qrajna l-ewwel paġni tal-istorja, ma fhimt xejn u għall-ewwel m’għoġbitnix. Iżda meta bdejna nidħlu fl-istorja u nevalwaw dak li kien qed jiġri, bdejt nieħu interess. Il-Ħarsa ta’ Ruzann huwa storja fenomenali għax edukattiv ħafna. Tgħallimt ħafna fuq l-aspetti storiċi, kulturi u soċjali ta’ Malta. Grazzi għal din l-istorja, jiena interessajt ruħi dwar l-istorja ta’ Malta, u rrealizzajt kemm batew u ħadmu l-antenati tagħna l-Maltin biex naslu s’hawn.  Il-Ħarsa ta’ Ruzann hu rumanzett, li jekk mgħallem sew, jista’ jgħin u jeduka bosta studenti jew oħrajn dwar ħafna aspetti sbieħ ta’ Malta. Għoġbitni ħafna u ħadt gost naqra u ninterpretha waqt il-lezzjonijiet.”  – Debbie Warrington, Skola St Joseph, Tas-Sliema.