għax bini biss u kullimkien

staqsejtni x’inhi dir-roqgħa. għedtlek gżira. u
griża. ma kontx qed nilgħab bil-kliem dakinhar.
dakinhar xammejt it-trab dieħel fi griżmejja.
togħma ta’ kubrit. trid, ngħidlek storja, trid.
storja ta’ torri fuq torri bla bibien u firolli.
storja tat-trab tal-art u dawl id-dinja.
jgħammxek id-dawl dieħel minn bejn subgħajk
tistaħba għax tibża’ mill-istejjer tal-kbar.
hemm stejjer midfuna sitt piedi ‘l isfel u
sulari ‘l fuq. staqsejtni jekk ibeżżgħunix, l-istejjer.
u għedtlek li l-ħrejjef tal-waħx iktar minnhom.
li hemm stejjer u stejjer u bqajt sejjer bl-għax tikber
għaliex fuq xufftejk. kemm kemm tagħlaq għajnejk u
tiftaħhom u ssib mostri kbar jilħqu s-sema. tisma’
t-trab ikarwat u ż-żrar jingħasar. taħseb li
dan kliem fuq paġni mhux siġar sagrifikati.
sagrifiċċju trid tara l-baħar u tara baħar t’art
u art u art u ara. int u tisħaq bżar u melħ fi kċina
sitt piedi b’erba’ tagħfas it-tursin bl-id il-leminja
ħa joqtor l-aħħar aħdar li qatt aft.