Ibaħħru lejn l-Ewropa l-Afrikani
mimlija bl-ansjetà fuq dgħajjes qodma.
Fi vjaġġ immiżurabbli jerħu ruħhom
għal temp instabbli, kopja ta’ ħajjithom.
Hi storja ta’ bnedmin isellmu ’l nieshom,
’l-iljieli tad-deżert u lill-bandiera
maħsula b’demm l-eroj, għall-aħħar darba.
Bl-iskandli hi mburġata din l-istorja,
bid-dellijiet kesħin tat-tradimenti
u bis-semjotka skura tad-diżgrazzji.
Hi storja kollha tama. Ta’ nawfraġji
u ta’ telfien. Antika din l-istorja.
Hi storja ta’ min ried jaħrab mill-forka,
mill-povertà, min-nixfa disturbanti,
mil-lieva, mill-proċessi tat-tiranni,
mit-taqbidiet tribali u reliġjużi …
Hi l-odissea miżerabbli tagħhom
għad-daqq tat-trombi tal-esekuzzjoni:
jekk jeħilsuha lkoll minn mewt vjolenti
f’qiegħ l-ibħra jafu t-tmiem isibuh xorta.
Jekk tmiemhom ma jsibuhx tkun art ħanina
u nies tal-għasel, nies aktar slemija
li jtuhom merħba, aħwa jilqgħu ’l-aħwa.
Ix-xtut u l-ibħra ċimiterji jwerżqu
l-istorja ta’ traġedja kollha għoqiedi
li l-ġnus viljakki jdejhom ħaslu minnha.
Hi storja ta’ bilanċ bejn mewt u ħajja.
Louis Briffa