Rivoluzzjoni fl-istudju tal-Malti

Kitba ta’ Dr Adrian Grima – Lettur anzjan fid-Dipartiment tal-Malti, Università ta’ Malta

Mal-5000 student u studenta tal-ħames klassi tas-sekondarja qed iħejju għall-eżami l-ġdid tal-Malti li se jsir f’Mejju li ġej. Għall-ewwel darba se jkollhom karta tal-letteratura li tirrifletti r-realtajiet tagħhom bħala tfajliet u ġuvintur ta’ ħmistax, sittax-il sena. Fl-istess ħin is-sillabu jippreżentalhom firxa ta’ kitbiet differenti li juruhom x’jistgħu jagħmlu huma stess bil-lingwa.

Kif taħdem il-letteratura

Il-letteratura mhix iżjed ittrattata bħallikieku maħżen ta’ informazzjoni dwar l-istorja ta’ Malta, jew dwar ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, imma bħala għodda li tinqeda bi strateġiji partikolari.

Uħud minn dawn l-istrateġiji ta’ diskors nużawhom fid-diskors tagħna ta’ kuljum. Fosthom insibu l-għażla attenta tal-kliem u tal-ħsejjes li joħloq, it-ton, ir-ripetizzjoni, ix-xbihat, il-metafori, u l-mistoqsija rettorika. Imma fil-letteratura l-istil huwa sikwit iktar maħsub kultant iktar fin, u kapaċi jagħmel affarijiet li fit-taħdit ta’ kuljum m’għandniex l-opportunità li nagħmlu. L-istudenti jridu jiflu kif taħdem il-letteratura, jiġifieri l-lingwa li f’ċerti aspetti tkun fl-aqwa tagħha.

Is-sillabu l-ġdid (li jien ma kelli xejn x’naqsam mat-tfassil tiegħu) jittratta l-letteratura bħala forma speċjali ta’ lingwa li biha kapaċi toħloq għadd ta’ effetti. L-istudenti jridu jidentifikaw ċerti strateġiji letterarji, bħal dawk li semmejt, u jaraw x’effetti qed joħolqu. B’dan il-mod għandhom l-opportunità li jesploraw il-mod speċjali kif tintuża l-lingwa fil-letteratura. U bl-għajnuna tal-għalliema, jistgħu jesploraw, kull wieħed u kull waħda minnhom skont l-interessi u l-esperjenzi tagħhom, x’jistgħu jagħmlu huma biex jesprimu lilhom infushom. U kif jistgħu jirrakkontaw id-dinja ta’ madwarhom.

Kitba u qari intelliġenti tal-lingwa

Il-qari bir-reqqa tal-letteratura u l-investigazzjoni tal-istrateġiji li tuża biex tirrakkona ġrajja jew twassal ħsibijiet u emozzjonijiet jitlob sengħa oħra li fid-dinja verbali kumplessa tal-lum hija kruċjali: is-sengħa tal-interpretazzjoni. Studenti f’pajjiżi oħrajn jibqgħu jistudjaw il-letteratura sa tmiem l-iskola obbligatorja tagħhom proprju biex jiksbu, fost l-oħrajn, din il-ħila interpretattiva. Għax dawk li għandhom għarfien tajjeb tal-letteratura jispikkaw minħabba l-ħakma tajba li jkollhom tal-interpretazzjoni u l-espressjoni.

Ħabiba Taljana tgħidli li l-istudju tal-letteratura u ġeneri oħrajn ta’ kitba sal-eżami tal-maturità kien kruċjali għaliha biex tifhem u tapprezza xi jkun qed jiġri meta l-lingwa tintuża b’mod kreattiv u kultant sovverżiv. L-enfasi fuq l-għarfien tal-letteratura u l-interpretazzjoni dinamika tagħha tagħti lok għat-tip ta’ elokwenza li s-soċjetà tagħna nieqsa minnha meta tqabbilha ma’ soċjetajiet oħrajn.

Neħtieġu mhux inqas imma iżjed letteratura u għarfien tal-mekkaniżmu tagħha. Mhux riproduzzjoni ta’ formoli stabbiliti imma qari intelliġenti u interazzjoni mat-test letterarju li jirrispetta mhux biss lit-test innifsu imma anke lill-istudenti u l-individwalità tagħhom.

Tgħid mhux hekk?

Fost dawk li qed jaqraw dan l-artiklu żgur li hemm min qed jitbissem b’ċerta qrusa u jgħid f’qalbu: Tgħid mhux hekk? Għax ma jiġix fil-klassi tiegħi u jippruvahom hu dawn l-affarijiet?

L-ewwel nett, la jien u lanqas nippretendi li jien pedagoġista. Ma speċjalizzajtx fit-tagħlim tal-letteratura. L-ispeċjalizzazzjoni tiegħi hija fil-letteratura nfisha. Studjajt kif tinbena, kif taħdem, għax issaħħarna. U naqbel mad-direzzjoni interessanti tas-sillabu l-ġdid għax toħroġ min-natura stess tal-letteratura meta tkun maħduma b’reqqa kbira (avolja tinħass mexxejja). Fl-istess ħin tibqa’ miftuħa għall-qari individwali tagħna.

Imma naqbel ukoll ma’ din l-enfasi fuq kif taħdem il-letteratura għax naf ħafna għalliema u studenti li dawn l-affarijiet li jistgħu jidhru avventurużi wisq għalina f’Malta għamluhom fil-klassi ferm qabel ma daħal is-sillabu l-ġdid. L-eżami l-ġdid jagħtik l-opportunità li turi li taf kif taħdem il-letteratura u l-effetti li joħolqu l-istrateġiji individwali u kollettivi tagħha.

Nemmen li fl-istudji tal-Malti mhux dejjem irrispettajna l-potenzjal tal-lingwa u l-letteratura nazzjonali tagħna. Donnu dak li nagħmlu b’lingwi u letteraturi oħrajn aħna stess ma nistgħux nagħmluh b’tagħna. Qisha l-letteratura Maltija qiegħda hemm biss biex tbellgħalna patrijottiżmu stilizzat, reliġjon fissa, natura idealizzata, imħabba prefabbrikata. U mhux importanti ninvestigaw kif qed tagħmel dawn l-affarijiet u nipproblematizzawhom.

Barra minn hekk, mhux dejjem għarafna u rrispettajna biżżejjed il-potenzjal kollu tal-istudenti. Il-letteratura hija l-arti li tieħu l-lingwa sat-tarf nett tagħha. Li taqbeż il-konfini tal-istabbilit. Li tissorprendina. U b’dan il-mod l-esperjenza jew il-ġrajja li tirrakkona tqegħedhielna quddiemna b’ħeffa u luċidità li jħallu s-sinjal tagħhom fuqna. Dan kollu nintebħu bih għax għandna qarrejja intelliġenti, li kapaċi jaraw taħt il-wiċċ, jaraw konnessjonijiet mhux ovvji, jilmħu implikazzjonijiet. F’dinja miżgħuda b’lingwaġġ sikwit elementari bl-iskuża li hu “dirett,” il-ħila fl-espressjoni u l-interpretazzjoni jistgħu jbatu. Is-sillabu l-ġdid tal-Malti jressaq quddiemna l-possibbiltà li nesploraw użi intelliġenti tal-lingwa.

Il-kitbiet għall-analiżi

Ladarba l-enfasi mhix fuq it-tematika imma fuq il-mekkaniżmi u l-istili tal-letteratura, is-sillabu jipproponi numru żgħir ta’ kitbiet letterarji Maltin biex l-istudenti jagħmlu analiżi bir-reqqa li twassal għal interpretazzjoni iktar matura tagħhom. Għax għalkemm l-enfasi hija fuq kif taħdem il-letteratura, fl-aħħar mill-aħħar din dejjem twassal ukoll għal interpretazzjoni tat-temi li tqanqal.

Il-bord maħtur mill-uffiċċju tal-Matsec għamel l-għażliet tiegħu. Kollox ma’ kollox naħseb li hemm bilanċ pożittiv bejn kitbiet li jirriflettu l-esperjenzi li jgħixu l-istudenti u r-realtajiet kbar u żgħar li jiltaqgħu magħhom, iridu jew ma jridux, fil-ħajja tagħhom. L-idea li jkun hemm rumanzett naqbel magħha għax tagħti lill-istudenti l-opportunità li jaraw xi strateġiji jistgħu jitħaddmu f’xogħol daqsxejn twil. Seta’ ntgħażel xogħol iktar stilistikament u tematikament avventuruż u qrib tal-esperjenza taż-żgħażagħ ta’ ħmistax jew sittax-il sena.

Nittama li l-bord ma ħassux limitat fl-għażla tiegħu minħabba kwistjonijiet “morali,” minħabba xi kelma vulgari ‘l hawn u ‘l hemm (minn dawk li nlissnu tista’ tgħid kollha kemm aħna kuljum), jew minħabba temi meqjusin “skabrużi.” Issa li daħal dan is-sillabu l-ġdid, meta jsir aġġornament tiegħu l-bord il-ġdid jista’ jikkunsidra rumanzi oħrajn.

Imma Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer, ir-rumanzett li hemm bħalissa, għandu l-merti importanti tiegħu għax jippreżenta temi u jħaddem strateġiji narrattivi li huma interessanti ħafna fihom infushom u eventwalment jistgħu jħaddmuhom l-istudenti meta jesprimu ruħhom huma.

Il-letteratura fil-lingwa

Il-letteratura tagħmel l-istudju tal-lingwa iktar interessanti. Kapaċi tmiss lill-istudenti fil-laħam il-ħaj.

Permezz tal-letteratura Maltija, l-għalliema jistgħu jagħtu lill-istudenti l-opportunità li jħaddmu huma, għalihom infushom u għal xulxin, il-lingwa tagħhom b’mod kreattiv biex jinterpretaw dak li jaqraw. Barra minn hekk, jistgħu jesprimu lilhom infushom bħala individwi u bħala ċittadini Maltin ta’ dinja dejjem aktar żgħira u fl-istess ħin ikkumplikata.

Il-letteratura hija kondensazzjoni kreattiva, imprevedibbli, kultant imqarba ta’ lingwa mill-aqwa li tistħarreġ il-persuna u l-komunità fost l-oħrajn permezz tal-istorja, il-psikoloġija, il-filosofija, is-soċjoloġija, u l-ġografija. Meta jkun fl-aqwa tiegħu, it-tagħlim tal-letteratura joffri opportunità unika biex l-istudenti jiskopru d-dinja ta’ ġewwa u ta’ barra. Jitgħallmu jagħrfu li huma wkoll għandhom quddiemhom għodod letterarji li bihom jistgħu jesprimu lilhom infushom f’dinja dejjem aktar medjatizzata li fiha l-kelma saret għodda verament b’saħħitha.

Dan l-artiklu deher fil-gazzetta “Torċa” tal-Ħadd, 17 ta’ Novembru 2013.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.