Prof. Oliver Friggieri jikteb hekk:
Poeżija qasira, mirquma u marbuta tajjeb, li aktarx tolqot u taħsad bl-oriġinalità tagħha, li jista’ jkollha tema li tvarja u li hi ttrattata bis-serjetà jew b’mod satiriku; kitba, fil-versi jew fil-proża, li tesprimi xi ħaġa b’mod milqut, fil-qosor, b’ton serju, filosofiku jew satiriku u l-bqija. Il-forma l-iżjed imfittxa tal-epigramm tul it-tradizzjoni hi d-distiku bl-endekasillbi, iżda l-forom ivarjaw minn kittieb għal ieħor.
Epigrammisti bikrija Maltin huma Luigi Rigord (1757-1823) u Giuseppe Zammit (1802-1890), magħruf bħala Brighella, awtur ta’ Carmine epigrammatica (1839). Dan hu epigramm ta’ Rigord:
“Un mercato sarà quell’edifizio?”
Diceva un greco giunto d’Albania,
Vendendo sopra la Castellania
La bilancia nell-alto frontispizio.
“Sì,” rispose qualcuno con malizia,
“Amico la si merca la Giustizia.”
Il-ġabriet ewlenin tal-epigrammi fil-poeżija Maltija huma Ejjew Nidħku Ftit! (1962) u Ejjew Nidħku Ftit Ieħor (1965) ta’ Anton Buttigieg (1912-83). Huma aktarx dejjem miktubin bi kwartini ta’ endekasillabi li jirrimaw fit-tieni u fir-raba’ vers. is-suġġetti jvarjaw u jifformaw ħarsa wiesgħa lejn oqsma differenti tal-ħajja fiha nnifisha u l-aktar f’Malta. Il-politiċi, il-kleru, l-irġiel u n-nisa bħala sessi b’xejriet tipiċi, il-professjonijiet, id-drawwiet u l-vizzji personali u soċjali huma t-temi li Buttigieg jittrattahom bl-ironija u bis-satira. Epigrammi oħra huma allegoriċi, mibnijin fuq ħxejjex u annimali b’kontenut ta’ xeħta u fejda li jorbtuhom mad-dinja morali tal-bnedmin. L-imġiba kritika tal-poeta, ċajtiera u nebbiexa ssawwat lis-soċjetà xi drabi bl-aħrax u dejjem fid-dawl tal-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin. L-attitudni hi maskili, xejra li hi tipika tal-poeżija satirika kollha. Bħala kontenut, l-epigrammi ta’ Buttigieg jintrabtu mal-ħrejjef morali u ċajtiera ta’ Ġan Anton Vassallo (1817-1868) u l-oħrajn li nqdew bil-ħrafa għall-istess skop. Buttigieg jislet ħafna mill-motivi tiegħu mill-esperjenza ta’ politiku u avukat, iżda kollox hu mbiddel f’kumment soċjali u morali li jħossu kulħadd.
Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji (1996)