Dawn huma dikjarazzjonijiet qosra li juru fuq xiex se jkunu assessjati l-istudenti. Dawn iridu jkunu marbutin direttament mal-għan tat-tagħlim.
Jiddeskrivu xi jridu jagħmlu l-istudenti biex jilħqu l-għan tat-tagħlim u kif se jkunu jafu li laħquh. L-għan tagħhom hu li l-istudenti jkunu ċerti mill-kriterju li se t/juża l-għalliem/a biex t/jiġġudika xogħolhom.
L-għan tat-tagħlim huwa l-mira ta’ fejn se naslu fit-tagħlim. Il-kriterji huma l-vleġeġ li se jgħinuna naslu sal-mira u l-istudenti jagħmlu suċċess.
Kif toħloq il-kriterji ta’ suċċess:
Aqbad għan wieħed tat-tagħlim u staqsi lilek innifsek kif se tkun tista’ tifhem jekk l-istudenti laħquhx.
-
L-istudenti se jkunu jafu meta rnexxielhom jilħqu l-għan tat-tagħlim?
-
Jista’ jkun li kultant naħsbu li l-istudenti awtomatikament jafu fuq liema kriterji se niġġudikaw xogħolhom?
-
Waqt li qed ngħallmu, għandna kriterji ta’ suċċess ċari fuq xiex se nassessjawhom?
-
Kapaċi nivverbalizzaw dawn il-kriterji u naqsmuhom mal-istudenti?
-
Il-kriterji huma ċari jew ambigwi?
-
Il-kriterji ta’ suċċess huma ffukati biżżejjed tant li l-istudenti jistgħu joqogħdu attenti għal dak li qed jagħmlu tul il-proċess tat-tagħlim?
Il-kriterji ta’ suċċess jistgħu jieħdu forma ta’ passi ta’ proċess li jilħqu l-għan tat-tagħlim jew inkella jistgħu jkunu kriterji tal-prodott, fejn l-istudenti jistgħu jħarsu lejhom u jevalwaw ix-xogħol aħħari tagħhom skont il-kriterji msemmija.
Il-kriterji ta’ suċċess jistgħu jinbnew mal-istudenti. Dan il-metodu jista’ jgħinhom jifhmu aħjar x’inhu mistenni minnhom. It-tagħlim isir effiċjenti u effettiv.
L-istudenti għandhom bżonn jaraw il-kriterji ta’ suċċess u jkunu jistgħu jirreferu għalihom (waqt il-lezzjoni – skont x’lezzjoni tkun) biex ikunu jistgħu jifhmu l-andament tat-tagħlim.
Bil-kriterji ta’ suċċess l-istudenti jifhmu/jirrealizzaw/jindunaw li laħqu l-għan tal-lezzjoni u b’hekk jistgħu jimxu għall-pass li jmiss.
Meta l-istudenti jifhmu l-kriterji ta’ suċċess ikun ħafna iżjed faċli biex jassessjaw lilhom infushom jew lil sħabhom.
Suġġerimenti prattiċi ta’ kif jistgħu jinbnew il-kriterji:
L-istudenti jingħataw żewġ xogħlijiet (eż: żewġ ittri formali) li jkunu ta’ livell differenti. L-istudenti jidentifikaw l-aħjar xogħol billi jsemmu l-kwalitajiet neċessarji li jiffurmaw xogħol ta’ livell tajjeb. Dawn il-kwalitajiet jitniżżlu bħala kriterji li jekk jimxu magħhom ikunu qed jilħqu l-għan tat-tagħlim u jkollhom suċċess.
Waqt analiżi ta’ xogħol letterarju, l-għalliema flimkien mal-istudenti josservaw il-pass użat fl-analiżi, eżempju li l-ewwel bdejna bil-qari u rajna l-effett fuqna bħala qarrejja, imbagħad naraw l-importanza tat-titlu, nidentifikaw in-narratur eċċ … Kull pass jitniżżel mill-għalliema/mill-istudenti. Fl-aħħar naraw il-punti/passi flimkien u dawn ikunu jistgħu jintużaw f’analiżi ta’ xogħlijiet oħra.
Jinkiteb l-għan fil-bidu tal-lezzjoni. Lejn l-aħħar (tħalli ħin adegwat) l-għalliema tagħmel mistoqsija marbuta mal-għan u l-istudenti jridu jidentifikaw punti mill-qari/eżerċizzju/attività/spjegazzjoni li tkun saret fil-klassi li jsaħħu l-fehim tal-għan tal-lezzjoni. Dawk il-punti jkunu l-kriterji ta’ suċċess.
F’każ ta’ kriterji ta’ prodott bħal dawk li nużaw fil-kitba t-twila, l-istudenti jistgħu jintalbu biex minflok jiktbu kumment ġenerali dwar xogħolhom, jikkummentaw dwar kriterju wieħed biss biex l-istudenti jitgħallmu janalizzaw f’iżjed dettall. Meta l-istudenti jkunu għadhom żgħar, il-kumment jista’ jinbeda mill-għalliema u huma jkomplu jiktbu skont l-esperjenza tagħhom.
L-istudenti jistgħu jinqasmu fi gruppi u kull grupp ifassal numru ta’ kriterji ta’ suċċess fuq ix-xogħol partikolari li jkun sar fil-klassi. Kull grupp jgħid il-kriterji li kiteb lill-bqija tal-klassi. L-istudenti jistgħu jagħtu rispons lil xulxin. Fl-aħħar jingħażlu l-aħjar kriterji tal-gruppi kollha.
Il-kitba ta’ kriterji ta’ suċċess mill-grupp jista’ jsir fil-bidu tal-lezzjoni, eżempju l-istudenti jkunu se jaħdmu fehim it-test u huma jridu jidentifikaw l-aħjar proċess ta’ ħidma biex jagħmlu xogħol ta’ kwalità.