Jum il-Malti u taħriġ fil-kitba fl-iskola St Francis, Tas-Sliema

This slideshow requires JavaScript.

Nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Novembru, l-għalliema tal-Malti, is-Sa Dorianne Bartolo, is-Sa Audrey Borg u s-Sa Maria Elena Tanti Gregoraci, flimkien mal-istudenti kollha tas-Sekondarja, organizzaw Jum il-Malti.

Kull Sena kellha rwol differenti – l-istudenti tal-Ħames Sena flimkien ma’ xi wħud minn tar-Raba’ Sena ħadu l-inizjattiva li jdoqqu tiżwiqa mużikali ta’ numru ta’ diski bil-Malti.  Il-grupp daqq diversi strumenti u kanta dawn id-diski kollha mingħajr mużika oħra fl-isfond. Il-preparamenti kienu ilhom isiru mill-ewwel ġimgħa tal-iskola bil-provi qabel u wara l-iskola kif ukoll fil-ħin tar-rikreazzjoni. Ir-riżultat kien wieħed sodisfaċenti ħafna hekk kif  l-istudenti wrew il-kapaċitajiet tagħhom quddiem l-iskola kollha.

Din it-tiżwiqa saret fil-ħin allokat fil-brejk u anki quddiem is-Sur Edgar Preca, fiż-żjara tiegħu li għamel l-Iskola f’Jum il-Malti.

Grupp ieħor tal-istess snin żifen u anima d-diska ‘Żewġ Qagħqiet’. Din id-diska tissimbolizza l-vjaġġ li koppja tgħaddi minnu bit-tbatijiet kollha tal-ħajja.
Iż-żifna saret quddiem l-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames Sena kif ukoll quddiem is-Sur Preca u l-Kap tal-Iskola.

L-istudenti tat-Tielet Sena organizzaw numru ta’ logħob tradizzjonali u edukattiv. Il-materjal kollu bżonjuż ġie preparat mill-istudenti nfushom u fil-Jum ħadu ħsieb il-preparamenti kollha u l-logħob innifsu. L-istudenti tal-ewwel u tat-tieni Sena setgħu jilagħbu dan il-logħob fi gruppi.

Minbarra l-briju mużikali, waqt dan il-logħob, l-istudenti tal-Kunsill, għalliema u studenti mir-Raba’ Sena għenu fil-bejgħ ta’ ikel u xorb tradizzjonali Malti.

Ftit minn dan l-ikel ġie preparat mill-għalliema tal-Home Economics u mill-ġenituri.

Taħriġ marbut mal-kitba

Bejn il-21 u l-24 ta’ Novembru, sar it-taħriġ fil-kitba bl-isem ta’ ‘Ejja ħarbex’. Għal din l-okkażjoni ġew mistiedna 4 kittieba li ffukaw fuq il-ħila tal-kitba.

L-istudenti tal-Ewwel Sena ltaqgħu mas-Sa Roberta Bajada li bdiet it-taħriġ billi laqqgħethom mal-ktieb tagħha ‘Arloġġ u Tila’. Kompliet it-taħriġ billi wriet sett ta’ stampi ta’ pitturi famużi u arloġġi li minnhom riedu joħolqu storja narrattiva jew deskrittiva. L-istudenti ħadmu fi gruppi u ppreżentaw xogħolhom quddiem l-udjenza. Fl-aħħar tat-taħriġ, l-istudenti kellhom iċ-ċans li jixtru l-ktieb u jiġi ffirmat mal-awtriċi stess.

L-istudenti tat-Tieni Sena ltaqgħu mas-Sa Leanne Ellul li fiehmet lill-istudenti fuq id-differenza li taf tagħmel il-vuċi fil-kitba. Hi wriet lill-istudenti għadd ta’ ritratti ta’ persuni differenti u huma kellhom jiktbu sentenza fl-ewwel persuna u wara fit-tieni persuna. Wara ppreżentaw xogħolhom quddiem l-udjenza. Fl-aħħar tat-taħriġ, l-istudenti kellhom iċ-ċans jixtru l-ktieb ‘Teresa’ u jistaqsu lill-kittieba diversi mistoqsijiet dwar it-teknika tal-kitba u dwar il-ħajja personali tas-Sa Leanne.

Is-Sur Caldon Mercieca għamel taħriġ lill-istudenti tat-Tielet Sena dwar il-vjaġġ fil-kitba. Beda billi wera siltiet qosra minn films differenti li wkoll juru vjaġġ. Dan kien il-punt tat-tluq sabiex l-istudenti jiktbu x’jaraw u x’jagħmlu fil-vjaġġ tagħhom mid-dar għall-iskola. L-istudenti interessaw ruħhom fil-film anime li wera s-Sur Mercieca – filmat mingħajr kliem iżda li wera azzjonijiet effettivi.

L-istudenti tar-Raba’ Sena ltaqgħu ma’ Dr Grima li ffoka dwar it-tonalitajiet differenti li bihom kittieb jaqra kitbietu. Dr Grima wera numru ta’ filmati li nġibdu waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura f’Malta. Wara li raw dawn il-filmati, l-istudenti riedu jiktbu l-mod ta’ kif qed jaqra l-kittieb li qed jidher fil-filmat.

Attività oħra kienet tintrabat mat-tonalitajiet differenti li jistgħu jintużaw biex tinqara poeżija partikolari. L-istudenti riedu jiktbu jekk huma jaqrawx il-poeżija b’ton ferrieħi jew b’ton xi ftit iżjed ta’ dwejjaq.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Ħalli messaġġ

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.