Kull meta nibdew sena skolastika ġdida, f’Ottubru, niftakru u nfakkru lil Dun Karm. Forsi din it-tfakkira wieħed jista’ jidraha u kultant tiġi xi sena u jħoss li “dejjem l-istess”. Iżda kull min iħobb il-Malti, l-ilsien nattiv tagħna, l-ilsien nazzjonali tagħna, l-ilsien li bih naraw u ninterpretaw id-dinja tagħna, żgur li jħoss għożża ħelwa meta jiftakar x’għamel dan il-bniedem kbir. Dun Karm tħabbeb mal-poeżija, bil-Malti. Meta Dun Karm uża l-Malti fl-espressjoni artistika tiegħu, kien qiegħed jagħmel xi ħaġa straordinarja għax f’dak l-att hu kien qed jgħolli l-ilsien nattiv tagħna fl-ogħla livell li jista’ jitqiegħed. Dun Karm uriena li l-Malti huwa tajjeb daqs kull lingwa oħra sabiex nesprimu ruħna artistikament dwar il-ħajja. Għal dan żgur li t-tfakkira f’Dun Karm tibqa’ rilevanti, ġdida u friska kull sena. Lil Dun Karm inroddulu ħajr minn qalbna u l-memorja tiegħu tibqa’ ħajja permezz ta’ dik il-ħlejqa li tieħu l-ħajja kull meta naqrawha: il-poeżija.
L-Akkademja tal-Malti ħadet l-inizjattiva tistampa numru ta’ kartelluni sbieħ bil-kliem tal-Innu Malti. Il-proġett kien f’idejn Olvin Vella, Victor Fenech u Trevor Żahra. Il-ħsieb ta’ dan il-proġett kien li, bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, kull klassi tal-Primarja (fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti) jkollha kartellun bl-innu nazzjonali. Inħadem ukoll kartellun ieħor biex jitwaħħal f’post prominenti f’kull skola tas-sekondarja.
Tul din is-sena skolastika se nkunu qed inqassmu dawn il-kartelluni fl-iskejjel. Inħeġġukom biex inkantaw l-innu nazzjonali kuljum fil-laqgħat ta’ filgħodu.