Nifs Ġdid

Darba kien hemm mara li f’ħajjitha ftit kellha opportunità titgħallem. Għamlet xi ftit snin ta’ skola elementari imma l-ħajja iebsa li kienet qed tgħix ġegħlitha tabbanduna kull forma ta’ studju. Imma dak il-ftit li hi kienet tgħallmet baqgħet tużah u baqgħet imqabbda miegħu għax kien l-uniku mezz li kellha biex tikkomunika mal-oħrajn, l-uniku mezz biex taqra dak li qed jiġri madwarha, l-uniku mezz biex tikteb dak li tħoss. U allura għamlet użu sħiħ minn dak il-ftit li kienet taf, għax kellha għan importanti.

F’ħajjitna niltaqgħu ma’ ħafna żgħażagħ li għandhom ħafna opportunitajiet li jitgħallmu. Żgħażagħ li għamlu ħafna snin ta’ skola u tgħallmu ħafna affarijiet, imma għadda ftit taż żmien u r-riħ ħadilhom dak kollu li kienu tgħallmu. Setgħu kienu xogħlijiet kbar dawk li studjaw, imma lilhom ma ċaqilquhomx lanqas pulzier, ma bidluhom lanqas tikka waħda. U dan għax għamluhom bilfors, bla gost, bla motivazzjoni.

Kemm hi importanti dik il-kelma motivazzjoni. Tagħmel id-differenza kollha f’dak kollu li tagħmel. Aħna l-għalliema għandna biċċa xogħol iebsa, dik li nimmotivaw lill-istudenti tagħna, li ntuhom il-ħeġġa, ngħaddulhom l-entużjażmu għal dak li qed ngħallmuhom. Imma rridu jkollna aħna minn din il-ħeġġa, irridu nkunu aħna li nagħrfu nwasslu kull ħaġa li ngħallmu bħallikieku hija l-iktar ħaġa importanti għal ħajjithom. L-istudenti mbagħad żgur li jittieħdu minn din il-ħeġġa tagħna.

Fil-bidu ta’ din is-sena skolastika nixtiequ nawguraw li kull wieħed u waħda minna li nimtlew b’din il-ħeġġa, anke jekk dak li ilna ngħallmu issa rrepetejnieh ħafna u ħafna drabi, imma jalla ngħallmuh daqslikieku hu ġdid fjamant u ħiereġ minn fommna l-ewwel darba. Qisu nifs ġdid fil-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ afdati f’idejna. Nawgurawlkom minn qalbna li nerġgħu ngħixu l-esperjenza sabiħa tat-tagħlim mal-istudenti ġodda tagħna.

Is-sena t-tajba lill-għalliema kollha.

Phyllis u Claire

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.