
Hija ġabra komprensiva ta’ madwar 200 test bil-Malti akkumpanjati minn traduzzjonijiet friski bl-Ingliż. Mill-għajdut orali tas-sekli mgħoddija u l-ftit kitbiet bikrin bil-Malti sal-esperimenti u t-taħbit biex il-Malti jibqa’ ħaj tas-sekli tmintax u dsatax u l-kisbiet kbar fil-kitba bil-Malti tas-sekli għoxrin u wieħed u għoxrin, This Fair Land jesplora l-isforzi ta’ kittieba individwali u joffri ġrajja ċara tal-atmosfera storika wiesgħa li sawret l-espressjoni miktuba. Poeżija, proża, drama, kitba reliġjuża, artikli ġurnalistiċi, testi storiċi, siltiet xjentifiċi, espożizzjonijiet kulturali – kollha juru l-evoluzzjoni tal-lingwa li għal sekli sħaħ kienet imwarrba mill-ħakkiema barranin u mill-Maltin tal-klassijiet għolja, imma baqgħet ħajja bis-saħħa u r-rieda tal-Maltin il-baxxi ta’ bla edukazzjoni.
Il-kitbiet bil-Malti magħżula u t-traduzzjonijiet friski bl-Ingliż juru l-moħħ Malti fi żminijiet differenti u juru x’kellu ħila jikseb dan l-ilsien minkejja l-iżvantaġġi politiċi u ideoloġiċi li kienu joħonquh. Din il-ġrajja tal-Malti (l-unika lingwa Semitika indiġena li għandha l-Ewropa) qed tixxandar mad-dinja kollha f’sensiela internazzjonali li tqabbilha ma’ lingwi maħqura oħra.