Anke dan is-sajf wasal fi tmiemu. Nittamaw li kien żmien ta’ mistrieħ għalina lkoll, żmien fejn stajna nagħmlu ħwejjeġ li soltu ma nilħqux nagħmlu jew inżuru xi post li dejjem xtaqna naraw. Nawguraw lill-għalliema kollha, ġodda u mħarrġa, imma speċjalment lilkom l-għalliema tal-Malti. Jalla lkoll ikollna sena ta’ ħidma kontinwa li tagħtina ħafna sodisfazzjon fix-xogħol tagħna.
Xogħolna joffri sfidi kbar, imma dan m’għandu jaqta’ qalb ħadd. L-isfidi għandna naffrontawhom u jekk hemm bżonn nitolbu l-għajnuna. Aħna, wara tant snin ngħallmu, insibu li kull sena tkun aħjar minn ta’ qabilha, għax int tissoda aktar u tagħmel ħafna ħbieb ġodda, kemm mill-għalliema li tiltaqa’ magħhom u kemm mill-istudenti stess.
Tiddejqux tesperimentaw u tkun u innovattivi. Jekk ġietek idea ġdida, ippruvaha u taqtax qalbek. Tkellem ma’ ħaddieħor fuqha u aqsam xogħlok ma’ sħabek. Tinduna int stess kemm xogħlok jeħfief u jsir esperjenza aktar valida għax m’intix taħdem waħdek u għal rasek. Dan aħna rajnieh isir bejnietna l-grupp ‘Deċiżi’ li matul is-sena li għaddiet qsamna l-ħidma fuq is-sillabu l-ġdid tal-Matsec u intom tistgħu taraw il-frott tiegħu fl-għadd ta’ riżorsi li llum issibu fil-blogg. Immorru ’l bogħod mill-idea li x-xogħol tiegħi nżommu jien. Ix-xogħol ikun ta’ kulħadd flimkien għax wara kollox għan wieħed għandna, dak li t-tfal isiru jħobbu l-Malti, li hi l-aktar ħaġa importanti.
Għalhekk għeżież għalliema, mill-ġdid nawgurawlkom sena ta’ fejda u jalla nkunu ferħana bil-ħidma li qed inwettqu.