Ħrejjef u leġġendi Maltin

Nifirħu lill-istudenti Kristina Briffa, Yanica Caruana, Denise Sant u Lara Vassallo mill-Ħames Sena tal-Iskola Sekondarja St Joseph ta’ Tas-Sliema għal din il-preżentazzjoni sabiħa fuq il-ħrejjef u l-leġġendi Maltin li għoġobhom jgħaddulna biex naqsmuha mal-għalliema u l-istudenti tal-Malti.

Inħeġġu aktar għalliema u studenti biex jgħaddulna r-riżorsi tagħhom biex naqsmuhom ma’ xulxin. Ir-riżorsi jitilgħu dejjem f’isem min ikun bagħathom.

Posted in Avviżi, Riżorsi | Leave a comment

Attivitajiet b’risq de Soldanis

Dis-sena jaħbat it-300 anniversarju mit-twelid tal-Kanonku Ġan Piet Franġisk Agius de Soldanis (1712-1770). Kien l-ewwel wieħed li xandar kemm felaħ fuq l-ilsien Malti u kiteb fuq l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura tal-Maltin.

Il-wirja

Bħalissa għaddejja wirja fuqu l-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt. Id-dati tal-wirja huma:

mit-22 sas-26 ta’ Ottubru, u
mit-12 sas-16 ta’ Novembru.

Fil-wirja qed jiġu ppreżentati l-manuskritti ta’ de Soldanis, xi sejbiet arkeoloġiċi li semma f’xogħlijietu, u pitturi marbutin ma’ xogħlijietu.

 

Ktejjeb b’xejn għall-istudenti tar-Raba’ Klassi tas-Sekondarja

L-istudenti tar-raba’ sena tas-sekondarja li jattendu l-wirja jingħatalhom ktejjeb b’xejn fuq de Soldanis. Barra li miktub b’mod mexxej u mżewwaq b’pitturi tal-epoka, fih it-taħriġiet u d-djalogi ta’ de Soldanis. Ideali għat-tħejjija tal-eżami taċ-ĊES

 

Intervisti u qari fuq il-YouTube

Min jixtieq isemma’ l-għaxar djalogi sbieħ ta’ de Soldanis lill-istudenti, kulma jrid jagħmel hu li jidħol fil-YouTube u jittajpja “De Soldanis”. Barra d-djalogi, jista’ jsemmgħalhom xi waħda mill-40 intervista ma’ storiċi u lingwisti fuq de Soldanis. Jista’ wkoll isemmgħalhom id-daħla tad-dizzjunarju.

Tista’ tidħol direttament fl-istazzjon tal-YouTube fejn hemm dawn ir-riżorsi kollha minn hawn.

———————————————– 

B’rabta ma’ dan

Ara l-istqarrija tal-Ministeru għal Għawdex u xi ritratti tal-wirja (DOI).

Ara wkoll l-istqarrija tat-tnedija tal-ktieb tas-sekondarja u xi ritratti tal-istess attività (DOI).

Ħajr lill-Ministeru għal Għawdex, il-Libreriji Maltin, Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università, li qed jikkollaboraw fil-proġett. Prosit ta’ din l-inizjattiva.

Posted in Attivitajiet, Avviżi | Leave a comment

Awguri għas-sena skolastika l-ġdida

Għeżież għalliema,

Nittamaw li tinsabu tajbin u li kellkom vaganzi ta’ mistrieħ u divertiment. Nixtiqulkom sena skolastika 2012-2013 mill-aqwa.

Din hija l-ewwel sena li matulha se tibda tintgħallem l-antoloġija Bejn Ħaltejn fil-klassijiet tar-raba’ sena. Nittamaw li toffri lilkom u lill-istudenti tagħkom esperjenza letterarja sabiħa. Is-sillabu l-ġdid qed joffrilna sfida biex fl-analiżi tax-xogħlijiet letterarji niggwidaw lill-istudenti tagħna ħalli jaħsbu b’mod kritiku u jaslu għall-interpretazzjoni tagħhom fi ħdan linja komuni.

F’dan il-blogg tagħna (fit-taqsima l-ġdida ‘Bejn Ħaltejn’, fuq il-lemin) issibu preżentazzjonijiet lesti ta’ wħud mill-poeżiji li hemm fis-sillabu. Kif tistgħu taraw, dawn ħadu l-ħin biex saru u qed naqsmuhom magħkom għax inħossu li jekk kulħadd jieħu eżempju minnhom u jagħti xi ħaġa żgħira mir-riżorsi tiegħu, inkunu nistgħu noħolqu bank ta’ riżorsi li jgawdi minnu kulħadd. B’hekk inkomplu nħaffu x-xogħol lil xulxin u nagħmlu lezzjonijiet interessanti għall-istudenti tagħna. Nittamaw li wħud minnkom titħajru u tagħmlu l-istess. Ibagħtulna xi riżorsa minn tagħkom marbuta mas-sillabu minn hawn. Ix-xogħlijiet tagħkom jidhru f’isimkom.

Nawgurawlkom mill-ġdid!

Claire u Phyllis

Posted in Avviżi | Leave a comment