Awguri għas-sena skolastika l-ġdida

Għeżież għalliema,

Nittamaw li tinsabu tajbin u li kellkom vaganzi ta’ mistrieħ u divertiment. Nixtiqulkom sena skolastika 2012-2013 mill-aqwa.

Din hija l-ewwel sena li matulha se tibda tintgħallem l-antoloġija Bejn Ħaltejn fil-klassijiet tar-raba’ sena. Nittamaw li toffri lilkom u lill-istudenti tagħkom esperjenza letterarja sabiħa. Is-sillabu l-ġdid qed joffrilna sfida biex fl-analiżi tax-xogħlijiet letterarji niggwidaw lill-istudenti tagħna ħalli jaħsbu b’mod kritiku u jaslu għall-interpretazzjoni tagħhom fi ħdan linja komuni.

F’dan il-blogg tagħna (fit-taqsima l-ġdida ‘Bejn Ħaltejn’, fuq il-lemin) issibu preżentazzjonijiet lesti ta’ wħud mill-poeżiji li hemm fis-sillabu. Kif tistgħu taraw, dawn ħadu l-ħin biex saru u qed naqsmuhom magħkom għax inħossu li jekk kulħadd jieħu eżempju minnhom u jagħti xi ħaġa żgħira mir-riżorsi tiegħu, inkunu nistgħu noħolqu bank ta’ riżorsi li jgawdi minnu kulħadd. B’hekk inkomplu nħaffu x-xogħol lil xulxin u nagħmlu lezzjonijiet interessanti għall-istudenti tagħna. Nittamaw li wħud minnkom titħajru u tagħmlu l-istess. Ibagħtulna xi riżorsa minn tagħkom marbuta mas-sillabu minn hawn. Ix-xogħlijiet tagħkom jidhru f’isimkom.

Nawgurawlkom mill-ġdid!

Claire u Phyllis

This entry was posted in Avviżi. Bookmark the permalink.