It-Tlieta, 12 ta’ Frar, saret laqgħa dwar ir-regoli l-ġodda fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti, fir-Refettorju, il-Kurja. Għal din il-laqgħa attendew diversi ħaddiema mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, għalliema mill-primarja u s-sekondarja u membri minn diversi amministrazzjonijiet ta’ skejjel tal-Knisja.
Dr Farrugia wera l-proċess twil li għadda minnu l-kumitat maħtur mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ilsien Malti biex wasal għad-Deċiżjonijiet. Hu ppreżenta d-dilemmi u l-isfidi li ltaqgħu magħhom il-membri tal-kumitat biex fl-aħħar ittieħdu d-Deċiżjonijiet. L-udjenza tat il-kontribut tagħha b’mistoqsijiet dwar kif dawn id-deċiżjonijiet se jħallu impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti, speċjalment dawk żgħar. Is-Sur Thomas Pace, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill ħeġġeġ lill-għalliema preżenti biex l-għalliema ta’ kull skola jingħaqdu u jiddeċiedu liema kliem se jintuża mat-tfal biex ikun hemm konsistenza u lit-tfal nippreżentawlhom ukoll il-possibbiltajiet li joffru dawn id-Deċiżjonijiet.
Fr Charles Mallia, id-Delegat tal-Arċisqof fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, attenda din il-laqgħa u apprezza l-ħidma tal-Kunsill biex id-Deċiżjonijiet 2 jitwasslu fl-iskejjel tal-Knisja. Fl-aħħar tal-laqgħa tqassam ir-rapport bid-Deċiżjonijiet. Aktar ‘il quddiem se tiġi organizzata laqgħa oħra bħal din.