
Jekk tixtieq ittejjeb il-kitba tiegħek bil-Malti, dan il-kors pinġut għalik!
Fi Frar li ġej, id-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu l-erbatax-il kors fil-qari tal-provi bil-Malti f’Malta. L-istess kors hu offrut mill-ġdid f’Għawdex għall-Għawdxin u jiftaħ għas-sitt darba fix-Xewkija jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. Għalhekk, l-Għawdxin huma mħeġġin jaħtfu din l-opportunità li jsegwu l-kors f’Għawdex stess, u japplikaw.
Min itemm il-kors b’suċċess jista’ japplika għall-iskema tal-Get Qualified biex jingħata sa 70% lura mill-ħlas tal-kors.
Dan il-kors universitarju ta’ Livell 5 (MQF), hu twil sena (Frar 2019 – Jannar 2020) u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors jgħinek, fost l-oħrajn, tirrevedi l-grammatika, il-punteġġjatura u l-ortografija biex tirfina l-kitba tiegħek u jagħtik ukoll iċ-ċans tiddiskuti u tifhem aħjar ir-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti. Għal dan il-għan jinkludi kemm taħriġ fil-korrezzjoni tal-Malti b’siltiet stampati, kif ukoll sessjonijiet prattiċi bil-kompjuter.
Huwa kors imfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħall-impjegati tas-settur pubbliku fid-dipartimenti tal-gvern u l-kunsilli lokali, l-impjegati tal-iskejjel u l-għalliema li jgħallmu l-Malti jew suġġetti oħrajn bil-Malti, kif ukoll l-impjegati tas-settur privat, bħal dawk li jaħdmu f’kumpaniji, banek u aġenziji li jużaw il-Malti miktub, dawk li jaħdmu fil-parroċċi, ġurnalisti u xandara, u kull min jixtieq jikteb il-Malti b’aktar kunfidenza.
L-applikazzjonijiet fetħu diġà u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 11 ta’ Jannar 2019, fis-2:00pm. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università:https://www.um.edu.mt/courses/search?text=proof+reading
Tagħrif ieħor fuq il-kors u l-applikazzjoni ssibu mis-sit tal-Kunsill tal-Maltiwww.kunsilltalmalti.gov.mt jew mis-sit: www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp
F’każ li jkollok xi mistoqsija, ikteb fl-indirizz provi-malti.arts@um.edu.mt