Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

L-Għaqda tal-Malti – Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jorganizzaw it-tielet edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus fl-Università. Il-Festival se jittella’ bejn il-5 u s-7 ta’ April, mid-9:00 sas-14:00 u mill-16:00 sat-tard.

Waqt dan il-Festival se jkun hemm diversi stands ta’ għadd ta’ pubblikaturi u distributuri ewlenin fosthom HORIZONS, FARAXA BOOKS, SENSIELA KOTBA SOĊJALISTI (SKS), STUDENTS PHILOSOPHICAL SOCIETY, EDE, INIZJAMED/EDIZZJONI SKARTA, BDL u oħrajn. Ma’ dawn ikun hemm l-GĦAQDA TAL-MALTI u l-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB li għandhom imħejji rigal ċkejken għall-ewwel mija li jżuru l-Festival.

Barra minn hekk, se jkun hemm attivitajiet li jvarjaw minn workshops għal films, minn qari għal taħditiet, u oħrajn. L-attivitajiet se jsiru minn Mark Scicluna u Moira Zahra, ESO, Insite, Faraxa Books, KSU (Kummissjoni Edukazzjoni), Highlight Arts, Inizjamed, Glen Calleja, Għaqda tal-Malti, Trevor Żahra, Fat Lady Productions, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Akkademja tal-Malti, Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, TAĦŻIŻ, Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Calleja, EDE, Mistura, Michael Spagnol, Graphic Novels Library, u DESA.

Matul it-tlett ijiem tal-Festival il-Librerija tal-Università se tkun qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-istudenti b’attivitajiet interessanti fi mkejjen li mhux soltu nidħlu fihom. L-Għaqda tal-Malti se tkun qed tesebixxi r-ritratti tal-kompetizzjoni Ħudli Ritratt li għandha miftuħa sal-1 ta’ April. Matthew Schembri se jkun qed jieħu ħsieb l-installazzjoni tal-arti Ixorbu l-Kotba.

Il-mistiedna speċjali tal-festival hija l-kittieba Iżlandiża Gerður Kristný se tkun magħna b’attività kull ġurnata. Nhar is-6 ta’ April, Kristný se tkun qed tagħti workshop marbut mal-kitba mill-ġdid tal-Mitoloġija, u nhar is-7 ta’ April nagħlqu l-festival b’qari u mistoqsijiet lill-istess awtriċi.

Il-programm sħiħ t’attivitajiet, siegħa b’siegħa, jinsab fl-attività fuq Facebook. Għal iktar tagħrif żuru: <<www.facebook.com/events/923489227765196>>. Il-Festival miftuħ għal kulħadd bla ħlas.

Festival

PROGRAMM

5 ta’ APRIL

9.00                 Niltaqgħu ma’ Dr Tonio Borg: Politiku u kittieb // ESO

Minkejja li ħafna jafu lil Dr Tonio Borg bħala politiku, Borg huwa wkoll kittieb. F’din l-intervista se nsiru nafuh bħala kittieb u naraw kif jibbilanċja l-politika u l-kitba. Dr Tonio Borg kien il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur u dan l-aħħar ippubblika l-ktieb Nidħqu bina nfusna. L-ESO hija għaqda studenteska li tirrappreżenta l-istudenti tal-Istitut tal-Istudji Ewropej.

10.00                Il-Ġurnalisti l-Ġodda: Bil-Malti jew bl-Ingliż? // INSITE

Matul din id-diskussjoni xi ġurnalisti ġodda u oħra b’esperjenza se jitħaddtu fuq l-isfidi li jsibu fil-ġurnaliżmu. Waħda minnhom tista’ tkun il-lingwa. Huwa faċli tikteb bil-Malti? Huwa faċli tikteb bl-Ingliż? Għaliex jagħżlu li jiktbu b’lingwa u mhux oħra? Hija għażla awtonoma jew imposta? Il-pubbliku ġenerali mistieden jiġi u jagħti l-opinjonijet tiegħu wkoll.

11.00               Tnedija tal-ktieb The Misfit ta’ Oliver Friggieri; trad. Charles Briffa // FARAXA

The Misfit, traduzzjoni ta’ Charles Briffa tar-rumanz ċelebri L-Istramb ta’ Oliver Friggieri. Huwa rumanz fuq żagħżugħ li jrid jissara mal-fallimenti tiegħu. Ms Dorianne Mifsud, studenta postgradwatorja, se tmexxi d-diskussjoni bejn it-traduttur u l-awtur. Il-pubbliku jkun mistieden jieħu sehem ħaj fid-diskussjoni.

12.00               Start ups: L- Intraprenditorija bħala opportunità // KSU – KUMMISSJONI EDUKAZZJONI

Matul din l-attività, niskopru kif l-intraprenditorija hija oppotunità ta’ tkabbir kemm f’termini ta’ karriera, kif ukoll bħala tkabbir personali. Matul din l-attività l- istudenti se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ nies li għaddew minn esperjenza f’dan il-qasam.

16.00               Films tal-poeżija  // Highlight Arts u Inizjamed

Matul dawn is-siegħa u nofs, fost l-oħrajn, se nkunu qed naraw għażla ta’ films poetiċi minn Highlight Arts. Dawn il-films intwerew matul l-aħħar snin fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed. Highlight Arts jorganizzaw festivals, attivitajiet u workshops marbuta mal-istejjer tan-nies u postijiet affettwati mill-kunflitt. Inizjamed hija organizzazzjoni kulturali Mediterranja bl-għan li tmexxi proġetti kulturali u artistiċi fuq livell lokali u internazzjonali. Fost il-films li se naraw hemm Damascus, A man dies in me, u Aċitilena, film poetiku marbut ma’ poeżija ta’ Adrian Grima.

18.30               Aqtagħli: Kwiżż fuq kollox

Dan il-kwiżż, li se jitmexxa minn Leanne Bajada, jittratta mistoqsijiet b’temi ġenerali u oħrajn ta’ natura letterarja. Minbarra mistoqsijiet, il-parteċipanti jridu jaqtgħu xi titli ta’ kotba u anki ismijiet ta’ diski li ma jmutu qatt.

19.30               Qrempuċu: Film, qari u diskussjoni

Nibdew billi naraw il-film Qrempuċu – film ibbażat fuq il-ktieb ta’ Trevor Żahra li jġib l-istess isem. Dan Qrempuċu huwa ġurdien żgħir ftit imgerfex minħabba l-ġrajjiet li għaddejjin madwaru. Wara, se tinqara parti mill-ktieb u ssir diskussjoni bejn Mark Caruana, Nicholas Caruana, Emanuel Psaila u Trevor Żahra nnifsu. Noel Tanti se jmexxi d-diskussjoni.

6 ta’ APRIL

9.00                 Noħolqu u niddisinjaw karattri interessanti // MARK SCICLUNA U MOIRA ZAHRA

Waqt dan il-workshop prattiku se niskopru xi jfisser li tkun illustratur, kartunist u artist tal-komiks. Se nistaqsu: Kif tista’ toħloq karattru interessanti? X’inhu l-passat tiegħu? Kif jidher? Waqt il-workshop niġġenaraw ideat li jiffurmaw il-protagonist u mbagħad, inpinġu l-karattru. Fl-aħħar, Mark u Moira, jispjegaw kif nistgħu ntejbu dak li nkunu ħloqna.

10.00               L-importanza tal-karattri fi storja // L-AKKADEMJA TAL-MALTI

Min hu l-karattru ewlieni fl-istorja? Kif tagħti biċċiet ta’ informazzjoni dwaru tul ir-rakkont? Għandu problema xi jsolvi? Xi biċċa inkwiet? X’jgħidu fuqu l-karattri l-oħrajn? U għaliex huma importanti wkoll fl-istorja? Matul dan il-workshop immexxi minn Rita Saliba se nsiru nafu aħjar il-karattru prinċipali fl-istejjer tagħna … u aktarx li sa tmiem l-attività l-karattru jsir jafna hu wkoll!

11.00               Is-sengħa tal-legatorija // GLEN CALLEJA

X’inhu l-proċess li bih jinħadem ktieb bl-idejn? Kemm-il struttura ta’ ktieb nafu biha u x’jagħżel struttura minn oħra? Din id-dimostrazzjoni minn Glen Calleja tiffoka dwar is-sengħa tal-legatorija tradizzjonali u kif din tista’ tintuża biex jinħolqu kotba ġodda. Se tingħata spjegazzjoni qasira tal-għodda u l-metodi ta’ kif jiġi ddisinjat ktieb mill-idea inizjali sal-prodott aħħari.

12.00      Il-Politika Lingwistika u l-Ħidma tal-Kunsill // Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

Taħdita fuq il-ħidma tal-Kunsill u l-politika lingwistika, u diskussjoni mal-udjenza preżenti. Imexxu Prof. Ray Fabri u Thomas Pace.

16.00               Il-kitba mill-ġdid tal-mitoloġija // GERÐUR KRISTNÝ

Il-mitoloġija klassika u l-korp ta’ xogħlijiet mibnija fuq mitoloġiji mill-Mediterran iffurmaw ħażna ta’ motivi tal-Letteratura tal-Punent għal sekli sħaħ. B’għarfien aħjar ta’ kulturi u tradizzjonijiet oħra, il-kittieba moderni bdew jużaw mitoloġija mhux oċċidentali bħala għajn ta’ ispirazzjoni. Il-qawwa tan-narrattiva tal-mit ħafna drabi tat forma lill-istejjer tagħhom u trasformat dawk l-affarijiet ta’ kuljum f’metafiżiiċi. Billi nużaw miti pre-Kristjani Nordiċi ppreżervati fl-Edda Prożajka jew fl-Edda ta’ Snorri mis-seklu 13, se niktbu mill-ġdid storja antika li nagħżlu f’kuntest modern.

18.30               TAĦŻIŻ4: Kelma jew tnejn // L-AĠENZIJA ŻGĦAŻAGĦ U            L-GħMU

Il-parteċipanti ta’ TAĦŻIŻ4 – Michael Carol Bartolo, Diane Cutajar, Rachelle Deguara, Kimberly Hattherly, Maria Pellicano, Victoria Pisani, u Manuel Zarb – se jaqraw xogħlijiet minn tagħhom marbuta “mal-kelma.” Ruyard Kipling jikteb li “Words are, of course, the most powerful drug used by mankind.” Liema huwa l-kliem l-aktar qawwi li jużaw f’poeżija? Xi kliem jagħżlu li jużaw? Kif se jsenslu l-kliem flimkien? Xi tgħid il-kelma dwar il-kelma? Ingħaqdu magħna għal dan il-qari u biex issiru tafu lil dawn il-kittieba emerġenti wkoll. TAĦŻIŻ huwa programm ta’ kitba kreattiva mill-Aġenzija Żgħażagħ u kkordinat mill-Għaqda tal-Malti – Università.

19:30               Miriam Calleja // EDE Books

Miriam Calleja hija l-awtriċi ta’ Pomegranate Heart, ktieb ta’ poeżija bl-Ingliż u bil-Malti. Dan l-aħħar kienet shortlisted għall-premju letterarju ta’ eċċellenza għall-poeżija tagħha “Burying in the Dark,” li kienet ippubblikata f’antoloġija ta’ stejjer qosra u poeżija minn Magic Oxygen fir-Renju Unit. Matul il-festival se tkun qed taqra xogħlijiet ġodda wkoll.

20.30               Mużika live // MISTURA

MISTURA beda bħala duo akustiku li żviluppa fi grupp rock elettriku. Huma jdoqqu u jkantaw kanzunetti oriġinali u bil-Malti. Waqt dan il-festival, Malcolm u Antonio ser jerġgħu jdoqqu bħala duo u se jtuna kanzunetti mir-repertorju tagħhom f’format differenti minn tas-soltu. Dawn jinkludu kanzunetti mill-ewwel album tagħhom “U d-Dinja Tkompli Ddur”, oħrajn ġodda fjamanti li se jkunu inklużi fl-album li qed jirrekordjaw bħalissa, u xi oħrajn popolari li jogħġbuhom.

7 ta’ APRIL

9.00                 Captain America: The Propaganda Machine // GRAPHIC               NOVELS LIBRARY

Captain America huwa ktieb tal-komiks b’karattru li għandu storja rikka. Filwaqt li naraw l-oriġini tal-karattru, it-taħdita se tieħu kont tal-kuntest u l-funzjoni tal-karattru, filwaqt li tixħet dawl fuq kif Captain America ta tama lin-nies fit-2ni Gwerra Dinjija. Se niddiskutu wkoll kif il-propoganda u l-kotba tal-komiks, flimkien ma’ medja oħra, jistgħu jintużaw bħala pjattaformi biex jixxerrdu l-messaġġi. Taħdita minn Jonathon Camilleri, student tat-2ni sena fil-kors tal-B.A. (Unuri) Filosofija.

10.00               Blind book date // DESA

Jekk inti biblijofiliku, allura aktarx qattajt Jum San Valentin  tifli l-marki suwed fuq l-għażiż tiegħek waqt li żammejtu qrib u qrib, għax għabbejt ktieb, mhux hekk? DESA sabitlek nies attraenti mill-kanoni letterarji Ingliżi li għandhom ikunulek sieħeb jew sieħba ideali – ingħaqad ma’ sħabek u aqta’ min huma! Tista’ ssir taf b’kotba oħrajn jew terġa’ tiltaqa’ ma’ maħbubin klassiċi. Tista’ wkoll issib imħabba ġdida – hu x’inhu l-każ żgur li nieħdu gost bil-kotba!

11.00               Il-Kreattività Lingwistika // MICHAEL SPAGNOL

X’nifhmu bi kreattività lingwistika? Kif nistgħu nkunu kreattivi lingwistikament? Issa li ġej is-sajf, qed titmazzaz? U ġieli ħadt xi stessu? Tistressjax ruħek wisq; ejja għal din it-taħdita, u għum fil-baħar ta’ possibbiltajiet lingwistiċi li joffri l-Malti.

 13.00               Films qosra // KNK

Fl-aħħar sentejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb organizza l-konkors għall-films qosra bbażati fuq novella. L-ewwel rajna Laqgħa ma’ mara morbi u s-sena li għaddiet rajna Dar ir-Rummien. Dawn iż-żewġ films qosra se jkunu qed jerġgħu jintwerew f’dan il-ħin.

 17.00               Il-Kitba u l-Kritika: Fejn jiltaqgħu? // SINTEŻI inizjattiva tal-Għaqda f’kollaborazzjoni mad-Dipt. tal-Malti, UNI, u d-Dipt. tal-Malti, JC

F’din id-diskussjoni madwar mejda miftuħa għall-pubbliku, l-istudenti inġenerali u l-istudenti li qed jistudjaw il-kritika sejrin niddiskutu l-kritika bħala arti. L-akkademiċi mistiedna minn oqsma diversi, f’xi punt jew ieħor, kienu ngaġġati f’kitba letterarja wkoll. Kemm hemm minn din l-arti fil-kritika jew il-kitba akkademika tagħhom? Tista’ tkun artist u kritiku? X’differenza hemm bejn il-kitba akkademika u letterarja? Il-kitba akkademika tista’ tkun att kreattiv ukoll? Xi jfisser li l-kritika tkun kreattiva?

 

18.30                 Il-Kantilena // FARAXA

Biex jitfakkar il-ħamsin anniversarju mindu Patri Mikiel Fsadni skopra l-Kantilena ta’ Pietru Caxaru, FARAXA Publishing tatna f’idejna it-tieni edizzjoni aġġornata ta’ Mark Montebello Pietru Caxaru u l-Kantilena Tiegħu. L-awtur se jkun qed jitkellem dwar studju ‘revoluzzjonarju’ li għadu kif temm dwar is-suġġett. Issegwi diskussjoni mmexxija mill-Prof. Toni Aquilina u wara li tinqara l-‘għanja’ mill-Prof. Martin R. Zammit, skont ir-regoli fonoloġiċi tal-Malti Medjevali.  Tagħlaq l-attività Doreen Galea li se tkanta għal dawk preżenti l-Kantilena ta’ Pietru Caxaru akkumpanjata minn Dominic Galea.

19.30               Qari u intervista mal-kittieba Iżlandiża Gerður Kristný

Gerður Kristný hija waħda mill-kittieba kontemporanji ewlenin fl-Iżlanda. Ħadet numru ta’ premjijiet għall-kitbiet fittizji u mhumiex, kif ukoll għall-kotba tat-tfal, rumanzi, u poeżiji. F’dawn l-aħħar deċenji pproduċiet xogħlijiet ġurnalisti fuq suġġetti varji u anke sitt volumi ta’ poeżija li magħrufa għalihom internazzjonalment. Matul din l-attività, Kristný se taqra għażla ta’ poeżiji mill-kotba tagħha b’enfasi fuq Bloodhoof li se tinqara biċċa minnu bl-Iżlandiż u anke bil-Malti. Il-pubbliku mistieden jiġi jisma’ u jiddiskuti ma’ Kristný wara l-qari.

5 – 6 – 7 ta’ APRIL

IL-LIBRERIJA TAL-UNIVERSITÀ

VJAĠĠI // Vjaġġi mal-librerija b’differenza. In-nies se jkunu jistgħu jidħlu ġewwa l-parti l-magħluqa tal-Melitensia, fejn is-soltu ma jkunx hemm aċċess għall-pubbliku.

PREŻENTAZZJONI // Preżentazzjoni fil-Melitensia ta’ xi kotba u manuskritti prezzjużi, bħall-manuskritti ta’ Dun Karm Psaila.

WIRJA TA’ ĠURNALI MALTIN // Wirja ta’ ġurnali Maltin imtellgħa mid-Dipartiment tal-Melitensja u d-Dipartiment tal-Perjodiċi. L-eqdem ġurnal li għandna f’din il-wirja, li jġib l-isem ta’ Uard u Zahar, imur lura għas-sena 1865 u waqaf jiġi ppubblikat fis-sena 1870. Fost l-oqsma li tkopri l-wirja hemm ir-reliġjon, il-liġi, il-kummerċ, l-istorja, l-ilsien Malti, in-natura, l-arkitettura u l-inġinerija.

Pjan terran. 8.30 – 20.00.

***

KOMPETIZZJONI TAL-FOTOGRAFIJA: ĦUDLI WIEĦED // L-Għaqda tal-Malti

Ibgħat l-applikazzjoni u r-ritratt li ma jkun deher imkien qabel f’format diġitali (reżoluzzjoni għolja) sal-1 ta’ April fuq ghaqdatalmalti@gmail.com. Nhar il-5 ta’ April ejja fil-Kwad. waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, u ġib miegħek ir-ritratt/i bil-qies 4 X 6 biex ikun esebit waqt il-Festival. Iktar dettalji jinsabu fl-attività fuq Facebook.

***

Ixorbu l-kotba // MATTHEW SCHEMBRI

Mingħajr l-ilma l-bniedem ma jistax jgħix. Din l-installazzjoni tixtieq twassal il-ħsieb li, għall-bniedem, bħal fil-każ tal-ilma, il-kotba huma importanti ħafna. L-ilma jżommilna ġismna ħaj u l-qari jżommilna moħħna. Għalhekk inħeġġiġkom biex tixorbu u taqraw ħafna!

 

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Ħalli messaġġ

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.