Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti
Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li x-xahar id-dieħel (Frar 2016) id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu l-ħdax-il kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti.
Il-kors, minbarra li se jiftaħ f’Malta, qed jerġa’ jkun offrut ukoll f’Għawdex.
Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, maħsub għal kull min juża l-Malti f’xogħlu jew jixtieq itejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess għadd ġmielu ta’ għalliema, segretarji u skrivani tal-iskejjel u l-kulleġġi, impjegati u voluntiera tal-parroċċi, il-kunsilli lokali u ta’ diversi għaqdiet f’Malta u Għawdex. Il-kors imfittex ħafna mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku u l-Privat.
Il-lezzjonijiet tal-kors isiru darbtejn fil-ġimgħa:
F’Malta: l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.
F’Għawdex: l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.00am sa 12.00pm. F’Għawdex jiftaħ it-tielet kors jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti. Għalhekk inħeġġu lill-Għawdxin biex jaħtfu din l-opportunità u japplikaw.
Inħeġġu lill-impjegati tal-iskejjel u ta’ entitajiet edukattivi oħra biex jattendu dan il-kors ħalli nkomplu nżidu l-punti sodi ta’ referenza fil-kitba bil-Malti għall-pubblikazzjonijiet, iċ-ċirkularijiet u l-ittri li jinħarġu.
L-applikazzjonijiet tal-kors miftuħin u qed jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 15 ta’ Jannar 2016 mis-sit tal-Università. Dan huwa kors f’Livell 5 (MQF).
Il-ktejjeb u t-tagħrif kollu fuq il-kors issibu mis-sit http://www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp
Tista’ tikteb ukoll f’dan l-indirizz: kunsilltalmalti@gov.mt