Jirrapportaw l-għalliema tal-iskola: Sa Bartolo, Sa Borg u Sa Tanti Gregoraci
Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Novembru, is-Sa Leanne Ellul żaret l-iskola St. Francis sabiex torganizza workshop lill-istudenti tar-Raba’ Sena. F’dan il-workshop, inqraw xi paġni mill-ewwel pubblikazzjoni ta’ Ellul, ‘Gramma’ minn Ellul nfisha. Waqt il-qari, Ellul involviet l-udjenza billi staqsietha taqta’ xi kliem li kien imħawwad marbut mal-istess rakkont u ktieb.
Il-workshop kompla b’attività li involviet lill-istudenti kollha. Kull studenta kellha twaħħal karta fuq wara tal-flokk tagħha u tħalli lil sħabha jiktbulha tliet aġġettivi pożittivi dwarha. Wara, kull studenta kellha tuża l-aġġettivi li tawha sħabha u tagħti kulur, togħma u riħa lil kull wieħed minn dawn l-aġġettivi.
Sabiex tingħalaq l-attività, l-istudenti kienu mistennija jużaw il-ħila tal-kitba u jiktbu paragrafu qasir imsawwar fuq l-istess aġġettivi li ngħataw. Barra minn hekk, l-istudenti setgħu jiksbu kopja tal-ktieb ‘Gramma’ mingħand rappreżentanta tal-Merlin Publishers.
Nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru, is-Sur Ivan Debattista organizza workshop għall-istudenti tal-ewwel sena. Debattista ta deskrizzjonijiet iddettaljati dwar il-pubblikazzjonijiet tiegħu, mill-ewwel ktieb li ħareġ sal-aħħar wieħed li jinsab għall-bejgħ.
Debattista mar lil hinn mill-pubblikazzjoni bħala ktieb u spjega l-qafas u n-nisġa tal-ideat li jsawwar sabiex jifforma biċċa kitba wara l-oħra. L-istudenti interessaw ruħhom ferm fid-dettalji li beda jagħti l-awtur u bdew jistaqsu ħafna mistoqsijiet relatati u siewja.
Iktar interess kompla jintlaħaq meta Debattista beda jitkellem dwar il-ktieb li l-istudenti nfushom iridu jistudjaw din is-sena, ‘Il-Fanal tas-Sinjur’. L-istudenti bdew jistaqsu lil dan il-kittieb dwar il-kitba nnifisha, dwar kif jirnexxilu jikteb daqshekk fit-tul u kif jirnexxilu jwaħħad idea ma’ oħra b’mod daqshekk kreattiv. L-istudenti staqsew ukoll dwar xi karattri partikolari li jissemmew fil-kotba u li s’issa għadhom qed jiskopru iżjed dwarhom. L-awtur ħallihom iżjed bil-kurżità milli ġew biha.
‘Viva Malta’
Dan huwa t-titlu tar-reċta li l-iskola tellgħet b’rabta ma’ Jum il-Malti. Għal din ir-reċta saru ħafna preparazzjonijiet u provi. Ta’ kuljum l-istudenti u l-għalliema tal-Malti kienu mistennija jagħmlu l-provi għal din ir-reċta waqt il-ħin tar-rikreazzjoni. Fl-aħħar ħmistax, l-atturi kienu mistennija jagħmlu darbtejn provi wara l-ħin tal-iskola sabiex jiffinalizzaw ix-xogħol.
Matul il-jum tal-Ħamis, 26 ta’ Novembru l-iskola ċċelebrat Jum il-Malti. Fil-break l-għalliema u l-istudenti setgħu jixtru ikel tipiku Malti, ngħidu aħna xi qagħaq tal-għasel u mqaret, kif ukoll biskuttini tar-raħal u ħobż ta’ San Martin.
Fl-istess jum, ittellgħet reċta bl-isem ‘Viva Malta’ bil-parteċipazzjoni ta’ xi wħud mill-istudenti minn kull sena Sekondarja. Kull parteċipanta ngħatat ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
Għal dan il-jum, l-amministrazzjoni stiednet il-familjari ta’ dawk li kienu qed jieħdu sehem sabiex jiġu jaraw din ir-reċta.
Barra minn hekk, matul il-ġimgħa, kull studenta fl-iskola kellha l-opportunità biex tesponi xi xogħol kreattiv tagħha jew xi xogħol marbut ma’ xi qasam jew ħila partikolari fil-Malti. Dan ix-xogħol ġie muri fuq bords apposta fil-kuritur tal-iskola.
Iċċelebrajtu l-Malti fl-iskola tagħkom? Għamiltu xi attività? Stedintu lil xi kittieb? Għamiltu proġett mhux tas-soltu? Jekk trid tista’ tibagħtilna l-informazzjoni u aħna niċċelebraw magħkom billi ntellgħu l-informazzjoni fuq is-sit u nħajru lil studenti u għalliema oħra biex jagħmlu l-istess.