Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar lill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tal-2015 ser isir bejn l-4 u 8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (Mediterranean Conference Centre), il-Belt Valletta.
Kull tifel u tifla li ser jattendu flimkien mal-klassi u l-iskola tagħhom il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb matul il-ħinijiet ta’ filgħodu, ser jibbenefikaw minn “voucher” ta’ € 3 kull wieħed li jista’ jintuża biex jinxtraw kotba minn kull esebitur tal-Festival. Dan il-“voucher” irid jiġi użat fil-ħin meta l-klassi jew skola tkun qed tagħmel iż-żjara tagħha u ma jistax jintuża fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
It-tfal ser ikollhom biżżejjed ħin biex ifittxu u jagħżlu l-ktieb jew kotba li jridu jixtru imma huwa impotanti ħafna li l-għalliema jidderieġu lill-istudenti sabiex jagħmlu l-aħjar għażla għalihom fix-xiri tal-kotba.
Waqt il-Festival, it-tfal ser ikunu qed jesperjenzaw animazzjoni teatrali waqt li qed jixtru l-kotba u anke xi attivitajiet relatati mal-“Premju Terramaxka: il-premju nazzjonali ta’ kotba għat-tfal u l-adolexxenti”. Aktar informazzjoni dettaljata fuq il-programm ser toħroġ iktar tard.
L-iskejjel jew klassijiet li huma interessati jattendu għandhom jinnotifikawna minn issa. In-notifiki li jinkludu n-numru ta’ studenti u l-klassijiet għandhom jintbagħtu lil Michael Mercieca fuq michael.mercieca@gov.mt. Grazzi ħafna u nawguraw li nerġgħu narawkom għal dan il-Festival tant importanti.
Mark Camilleri
Chairman Eżekuttiv
Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb