Is-Siwi tal-Letteratura, kitba ta’ Sa Oriana Spiteri
Mis-suġġetti kollha, l-istudju tal-letteratura dejjem qanqal il-mistoqsija tal-għaliex miċ-ċokon aħna nistudjaw il-letteratura. Hi sewwasew il-kelma ‘nistudjaw’ li tħawwadna għax ngħid għalija nħoss li l-letteratura hi qabelxejn esperjenza ħajja.
Bħala għalliema tal-letteratura Maltija, dejjem infittex li nagħti lill-istudenti tagħlima li tmur lil hinn mill-eżami miktub. Dan għaliex nemmen li l-letteratura tgħallem dwar il-ħajja mingħajr ma timponi, tħaffer fil-fond tal-umanità biex tiskopri l-ġdid filwaqt li ma titbiegħed qatt minn dak li kien minn dejjem. Il-letteratura tlaqqagħna ma’ dinjiet ġodda ta’ esperjenza filwaqt li tqanqal mistoqsijiet dwar il-ħajja nnifisha.
Għalhekk is-siwi tal-letteratura fil-klassi hu akbar minn dak li wieħed jimmaġina. L-ewwel nett letteratura ta’ pajjiż żgħir bħal Malta tagħti lill-istudenti xhieda ta’ identità nazzjonali. It-tieni nett il-letteratura hi t-tisrif tal-ħajja fi kliem u b’hekk l-esperjenza ta’ kittieb tista’ tkun l-esperjenza tagħna tal-bieraħ, tal-lum jew ta’ għada. B’hekk il-letteratura tlaqqagħna magħna nfusna u tisboq kull żmien. Barra minn hekk, permezz tal-letteratura l-istudenti jistgħu jifhmu kwadru usa’ ta’ suġġetti differenti bħalma huma l-arti, il-ħiliet komunikattivi, il-filosofija, ir-reliġjon, l-istudji soċjali, il-ġeografija u x-xjenzi fost l-oħrajn.
Però l-akbar siwi li nara fit-tagħlim tal-letteratura hu li l-istudenti jitgħallmu jaħsbu aktar. Il-letteratura tisfida l-ħsieb speċjalment bil-lingwa figurattiva. Din tal-aħħar, b’mod speċjali permezz tal-metafora, tgħin l-iżvilupp tal-ħsieb għax tagħti dawl ġdid, tfehimna rabta li tolqotna sewwasew għax tkun l-ewwel darba li ltqajna magħha.
Jekk wieħed jorbot il-letteratura mal-karta tal-eżami biss, ikun qed jitlef minjiera ta’ tagħlim. U hawn fejn jidħol il-klabb letterarju tal-Iskola Santa Monica. Il-ħsieb warajh kien li joffri opportunità ta’ kreattività u tagħlim għal dawk l-istudenti li jieħdu gost jiktbu u jiskopru l-kitbiet ta’ oħrajn. L-għanijiet ewlenin tal-klabb kienu biex l-istudenti:
• Itejbu l-ħiliet komunikattivi tagħhom.
• Jesponu t-talenti tagħhom u fl-istess waqt japprezzaw it-talent ta’ ħaddieħor.
• Jitgħallmu f’ambjent ta’ gost u parteċipazzjoni.
• Jitħarrġu aktar fit-taħdit fil-pubbliku.
• Jitħarrġu f’ġeneri differenti ta’ kitba.
• Jiltaqgħu ma’ awturi differenti.
• Jiddiskutu xogħlijiet varji li jolqtu lilhom.
• Jagħrfu l-kitba bħala forma ta’ espressjoni artistika.
• Jagħrfu s-siwi tal-letteratura.
Dawn l-għanijiet intlaħqu permezz ta’ attivitajiet varji li inkludew:
• Apprezzament ta’ kitbiet tal-istudenti stess.
• Diskussjoni fuq siltiet varji.
• Ħarsa lejn xogħlijiet letterarji kontemporanji.
• Distinzjoni bejn il-ġeneri tal-kitba.
• Kompetizzjonijiet tal-kitba.
• Diskussjoni fuq realtajiet ġodda: (eż: l-ebooks u l-kotba tradizzjonali; siti letterarji Maltin eċċ.)
• Awturi Maltin.
• Taħriġ fis-sengħa tal-kitba.
• Reċensjoni ta’ ktieb.
Ikolli ngħid li l-esperjenza tiegħi fi ħdan il-klabb letterarju kienet ukoll waħda li għanietni bħala għalliema. Għalija l-letteratura hi rivelazzjoni ġdida però nistqarr li lil hinn minn dan, l-istudenti tagħna u l-entużjażmu tagħhom kienu l-akbar rivelazzjoni. B’hekk se nagħlaq bi wħud mill-ħajki li kitbu xi studenti waqt waħda mil-laqgħat tal-klabb. Nistidinkom tkunu miftuħin għal interpretazzjoni wiesgħa sabiex anki l-letteratura ta’ dawn iż-żgħażagħ tkun esperjenza għalina lkoll.
Kull individwu
għandu personalità
eżami wieħed.
Kelly Scerri De Carlo
Il-pjanu antik
li hemm fid-dar tan-nanna
melodiji sbieħ.
Michela Agius
Il-baħar kien kalm.
Meta jien mort quddiemu
qamet tempesta.
Michela Faye Bugeja
Fil-ħemda tal-lejl,
il-kokka attenta tkun.
Hi seqer fuqek.
Hayley Asciak
L-imħabba qisha
żewġt ifriefet itiru.
Dejjem magħqudin.
Nicole Borg