Kitba ta’ Nathan Attard, mill-Kulleġġ De La Salle
Illum ninsab trankwill u seren – lil hinn mill-inġustizzji, ġlied u dwejjaq. Ninsab ferm imbiegħed minn kull ħażen, qerq u niket ta’ dik l-imxajtna dinja. M’ilnix wisq hawn, ma nafx kemm eżatt, iżda l-ħin huwa insinifikanti hawn fuq. L-għaġla sfrenata biex tlaħħaq mar-rutina ta’ kuljum ma teżistix. Mhux li kien, ommi kellha nitfa minn dan il-ferħ f’qalbha qabel m’għamlet dak li għamlet. Teħdunix ħażin, ma nibdel din il-paċi li qed inħoss ma’ xejn, iżda kultant nistaqsi wasaltx kmieni wisq f’dan il-punt ta’ kuntentizza.
Jekk illum ninsab ferħan, il-mixja għal dan il-punt kienet imħarbta mhux ftit. Tnissilt f’ġuf ommi għall-ħabta ta’ Ġunju (sa fejn naf jien), u ovvjament ommi ma ndunatx bil-preżenza tiegħi mill-ewwel, iżda ma damitx wisq, tafux. Kien ilni nimraħ f’dak l-imbierek ġuf għal xi tliet ġimgħat meta f’daqqa waħda ħassejt lil ommi tifraħ ferħ li qatt ma rajtha tifraħ f’dawk il-ftit ġimgħat li kont ilni nafha! Kemm bkiet bil-ferħ malli rat dawk iż-żewġ linji ħomor fuq il-pregnancy test! Niftakarha tirringrazzja lill-Mulej ta’ dak li kienet se tesperjenza, imma sewwa jgħidu li x-xitan m’għandux ħalib. Il-mamà damet tifraħ sakemm ġie missieri lura mix-xogħol. Bl-innoċenza kollha, ommi marret tiġri sabiex tagħtih l-aħbar li suppost kellu jithenna biha, imma ġara totalment il-kuntrarju.
Nista’ ngħid li għall-ewwel darba f’“ħajti” kont imwerwer! Ħlief għajjat u ġlied ma smajtx dik il-lejla. Apparti l-litanija ta’ dagħa li qal missieri dakinhar, kien qed jagħti l-ħtija tal-eżistenza tiegħi lil ommi, ja purċinell!
“Int qed tiġġennen jew?! Għidli li qed titmejjel bija, Marì, ċajta tajba din!”
“Issa dawn affarijiet taċ-ċajt, John? Hawn ħa, positive, mhux qed tarah?”
“Le, ma jistax ikun, għidli li mhux veru!”
“Inti se taqtagħha?! Għandna tarbija, John, imissek tifraħ. Min jaf hux tifel jew tifla? Iġri jas…”
“Agħlaq ħalqek, agħmilli pjaċir! Għidli int, kif se nkomplu naħdmu b’din it-tarbija? U l-loan min se jħallsu, ommok jew? Addijo l-karriera, id-dottorat, il-karozza u d-dar! Int taf kemm iġġib spejjeż magħha tarbija?”
“Xi mod kif inkampaw insibu żgur! Kellek għalfejn iżżeffen lil ommi issa? It-tarbija tagħna t-tnejn u mhux tiegħi biss, u dan tafu int!”
“Giddieba int! Jien ilni ngħidlek li ma ridtx tfal mill-ewwel darba li ltqajna! U fuq kollox, kont int li ma kontx attenta u mhux jien!”
“John, ma nafekx hekk, għaliex qed tagħmilli hekk? Suppost qiegħed tifraħ miegħi, tafx!”
“Ara x’se tagħmel b’dit-tarbija, eħles minnha!”
“Issa, ma tarax, mela ħsibtek qed tilgħab bil-pupi, jew?”
“Iddeċiedi, teħles minnha int jew neħles minnkom it-tnejn jien stess.”
Imma kemm kellu jkolli missier aħdar u bla kuxjenza! Ja bniedem indannat, żgur li qatt mhu se nsib raġuni valida għaliex kellu l-wiċċ vili jgħid lil ommi biex teħles minni, frott is-suppost imħabba ta’ bejnu u l-“imħabba ta’ ħajtu”. Annimal u xejn iżjed, lanqas xrara ta’ mħabba ma kellu lejn ommi u bil-wisq anqas lejja! Kif tistgħu tissoponu, ommi beżgħet mill-aġir ta’ dak il-mostru. U wara lejl ta’ thewdin, mingħajr irqad ta’ xejn (ħassejtha titqalleb lejl sħiħ), iddeċidiet li ċċempel lil ħabibitha Lynn.
“X’se nagħmel, Lynn? Ma rridx neħles mit-tarbija, imma lanqas irrid li nispiċċa fil-periklu jien.”
“Marija, ħaġa waħda ngħidlek, John jasal u jekk int kont għamja għalih sforz imħabbtek lejh, jien ma kontx. Aħjar tintilef ħajja waħda milli tnejn.”
“Int ukoll?! Grazzi Lynn eh, ħsibt li se nsib spalla fuq min inserraħ fik.”
“Stenna, jien li qed ngħidlek mhi xejn ħlief ir-realtà li int ma tistax tibqa’ taħrab! Li kont minnek nidħol fuq l-internet. Hemm imnejn issib xi ħaġa minn hemm.”
Nixtieq inkun naf min ivvintah dan l-internet jien, ħlief spazji għal inġustizzji ma fetaħx, u tiegħi waħda minnhom. Kif qatgħet minn ma’ Lynn, ommi daħlet fuq sit elettroniku li jittratta l-abort. Ħlief kliem ta’ kuraġġ biex twettaq dak li qalulha tagħmel ma sabitx, u fil-pront ikkuntattjat tabib fi Sqallija biex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa. Qalilha li l-proċess seta’ jsir biss sakemm it-tarbija tagħlaq it-tliet xhur fil-ġuf. Staqsietu xi jkollha bżonn u qalilha li kull mhi se tkun teħtieġ hija l-kartiera mimlija b’elf u mitejn ewro fi flus kontanti. U bħallikieku kienu qed jiddiskutu ċ-ċiċri u l-karawett, il-mamà u Dr Russo iffissaw data għall-jum li fih kelli niġi maqtul.
Għadda xahar. Qabdet l-ajruplan u telqet. Erbgħin minuta biss kellha tkun id-differenza ta’ bejn pajjiżha u l-post fejn kellha tmur biex teħles minni. Waslet għall-ħabta tat-tmienja, u għad-disgħa u nofs kienet tinsab bilqiegħda, tistenna sabiex tagħmel dak li kellha tagħmel f’qasir żmien. Neżżgħuha, libbsulha biċċa libsa rqiqa u l-proċess misħut beda. Tawha l-loppju biex żgur ma tkunx konxja minn dak li kienu qed jagħmlulha u forsi twaqqaf kollox. Minnufih, f’kemm ilni ngħidlek, bdew billi tawni injezzjoni u f’radda ta’ salib ma kontx naf x’inhu jiġri madwari. Imbagħad bl-istrumenti u l-għodda li kellhom, biċċruni u ġabuni trietaq bħallikieku kienu qed jilagħbu ma’ xi biċċa għaġina. Għaxar minuti kulma riedu, għaxar minuti biss biex joqtluni kiesaħ u biered.
Kif diġà għidtilkom, illum tant ninsab kuntent li ma rrid inbiddel dan l-istat ta’ ferħ ma’ xejn! Imma min jaf kieku Alla nissilni f’ġuf mara li kien ilha tipprova għat-tfal għoxrin sena sħaħ? Żgur li ma kienx jiġri dak li ġara! Min jaf forsi kieku kont nitrabba fi ħdan omm u missier li jafu joffru mħabba u dedikazzjoni lejn binhom. Ma nafx jekk indunajtux, imma ommi kien jisimha Marija. Iva, Marija, bħal dik it-tfajla safja u bla dnub li welldet iben li kellu jsalva poplu sħiħ. Imqar… jaħasra, imxiet fuq l-eżempju tagħha ommi. Min jaf, forsi kieku kont inkun utli għal din id-dinja jien ukoll! Ovvjament dan ma stajt nagħmlu qatt ġaladarba jien ħajja m’għextx, iżda jekk b’kitbieti mqar inwassal omm waħda biex tinduna bl-iżball li għamlet ommi u ma tmissx mal-abort, inkun ilħaqt l-għan tiegħi!
Tikteb bil-Malti? Jekk trid tista’ tibagħtilna l-kitba tiegħek u aħna nippubblikawha hawnhekk.