IL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE LOUISE COLEIRO PRECA TAPPELLA LI L-ISTUDENTI MALTIN GĦANDHOM IKUNU JAFU L-INNU MALTI, WAQT LEJLA F’ĠIEĦ IL-POETA NAZZJONALI DUN KARM PSAILA

pr142459aWaqt lejla li saret f’ġieħ il-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rrimarkat kemm hu ta’ niket għaliha li tinnota kemm studenti Maltin ma jafux l-innu Malti.

Sostniet li bħala ċittadini ta’ pajjiż li jgħożż l-identità, is-sovranità u l-istorja tiegħu, għandna nkunu kburin li aħna wkoll għandna l-Innu Nazzjonali tagħna li huwa msejjes fuq kliem li jgħaqqadna bħala Maltin, u mnebbaħ minn valuri ta’ solidarjeta’ li jsawwarna bħala poplu.  Huwa għalhekk li faħħret lill-Akkademja tal-Malti u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni li ħasbu biex jistampaw kartelluni bl-Innu Malti biex jitqassmu fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha kemm tal-istat kif ukoll tal-knisja u privati.

“ ’Il quddiem l-iskejjel se jingħataw ukoll diska kompatta biex il-kliem ta’ Dun Karm u l-melodija ta’ Robert Samut jibqgħu mnaqqxa għal dejjem f’qalbna.”

Il-President saħqet li l-Innu Malti ma nkitibx b’kumbinazzjoni u li warajh għandu ġrajja tassew interessanti u li  kull wieħed minna għandu jkun jafha.

Kellu jkun it-tabib Robert Samut li meta mitlub ikanta l-innu ta’ pajjiżu u rrealizza li Malta ma kellhiex innu nazzjonali tħajjar jikteb melodija huwa stess meta wasal lura pajjiżu mill-Università ta’ Edinburgh.

Samut semma’ l-melodija tiegħu lil Dr A.V. Laferla li kien direttur tal-iskejjel elementari tal-Gvern.

U min-naħa tiegħu, Laferla għadda l-kompożizzjoni lil Dun Karm – għax kellu stima kbira lejn il-poeta – biex jikteb kliem bil-Malti għaliha bil-ħsieb li l-melodija u l-versi, bħala innu ġdid, jibdew jitkantaw mit-tfal tal-iskejjel tal-Gvern.

“Uliedna jeħtieġ li jżommu f’moħħhom u jiftakru tul għomorhom li qabelxejn aħna nies ta’ fidi u għandna ngħożżu l-identità tagħna: tradizzjoni qadima li għandna ngħożżuha bħala wirt tagħna kollha kemm aħna.

Il-ħolma kbira li ħolmu missirijietna u ommijietna għandna ngħadduhielhom biex Malta tibqa’ Maltija, fl-ilsien u fil-qalb.”

Il-President Marie Louise Coleiro Preca qalet li b’dawn l-għodod f’idejna, tittama li fl-iskejjel kollha tagħna jinstema’ mill-ġdid jidwi l-Innu Nazzjonali tagħna.

Advertisements
This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.