kitba ta’ Amy Camilleri, Skola Sacred Heart
Ma nafx inqabbel;
ma nafx nifforma vers imġiddem.
“Ma nafx” taħt xulxin; anafora dik!
Repetizzjoni! Rajtha?
Għamilt użu miċ-ċesura
u l-alliterazzjoni
u iss’issa l-eliżjoni
u l-ewwel gdibt ukoll
(…u issa l-polisindeto)
għax dawn huma fil-fatt versi –
versi bla sugu,
hux tassew?
Hekk jgħallmuna –
termini letterarji telgħin
u termini letterarji neżlin.
Personifikazzjonijiet jitkellmu,
similitudnijiet jaqgħu fuqna
donnhom xi ħalba xita,
iperbole wara l-oħra
bil-mijiet u l-eluf,
u l-metafora l-gverta
li sirna nitgħattew biha billejl
(qabel xi test… jew eżami)
biex ma niksħux
u forsi norqdu sew.
U kollox jibqa’ fl-arja
u jekk mhux fl-arja,
maqful ġo gaġġa ta’ linji taħt xulxin…
f’esej.
Jista’ jkollok poeżija moderna
b’versi li ma jirrimawx.
(Rajtx? M’hemmx bżonn tkun taf tqabbel!)
Inkella b’rima ekwivoka
biex taparsi tgħallimt tqabbel
u ma jkollokx għal xiex tgħid li l-versi
ma jirrimawx.
Imm’hemm metrika oħra
Dik tradizzjonali
Il-versi jirrimawlek
U r-ritmu mużikali.
Jista’ jkollok vers endekasillabu
jew inkella vers dekasillabu
b’disa’ sillabi – novenarju
u bi tmienja – ottonarju
imbagħ’d vers settenarju…
issa ddejjaqt naħseb!
Issa xbajt ngħodd!
Għoddhom waħda
għalija.
Isa!
Issa jekk ikollok vers
li jispiċċa aċċentat,
dak jissejjaħ tronk;
waqt li s-sillabi tgħodd
(u tgħoddhom mingħajr qrid)
suppost tiftakar dlonk
li oħra trid iżżid.
Imma ’k tara
li l-aċċent qiegħed
fuq is-sillaba ta’ qabel l-aħħar,
mela ħija, isimagħni
u ħallina miċ-ċuċati
la żżidx sillabi, qed ingħidlek
għax quddiemek għandek wati.
Hekk jgħallmuna –
termini letterarji telgħin
u termini letterarji neżlin.
Enfasi!
Imma li ma kienx għall-enfasi,
ma nitgħallmu xejn…
Fil-fatt, jekk ma fhimtx saħta
minn dil-poeżija
u qed titkerrah u tgħolli ħuġbejk,
għandek għażla:
jew tiftaħ dizzjunarju
u titgħallem xi ħaġa,
jew tiftaħ ħalqek beraħ
u tibqa’ skantat.