Bħalissa kulħadd jinsab għaddej jaħdem biex iħossu kunfidenti u lest għall-eżami. Ħafna jħossu tensjoni għax jaraw quddiemhom ostaklu li jridu jegħlbuh. L-eżami donnu argużin lest biex jaħqar lil min isib quddiemu. Hi ħasra li nħallu lil moħħna u lis-sistema joqtlu l-pjaċir tat-tagħlim tal-letteratura u tal-lingwa. L-ikbar għadu huwa l-paniku. U x’jiġri jekk ma nlaħħaqx? U x’jiġri jekk ma nifhimx il-mistoqsija? U x’jiġri jekk ninsa dak li studjajt? Jekk nagħmlu hekk inkunu qed inħallu l-biża’ jkisser il-potenzjal li hemm fina.
Is-sillabu nbidel. Issa rridu ninbidlu aħna wkoll. Ilkoll kemm aħna. Studenti, għalliema u ġenituri. Jeħtieġ li ssir bidla fil-mod kif inħarsu lejn dawk is-sagħtejn, li sfortunatament, minħabba bżonn, libbisniehom il-kelma “eżami” u nassoċjaw dan l-ispazju ma’ mument ta’ biża’. Inkunu qed nagħmlu ħsara lilna nfusna u fuq kollox ħsara lil ilsienna. Is-sillabu l-ġdid huwa impenjattiv, imma huwa sillabu li jagħti poter lill-istudent għax jirrispettah. M’għadux iż-żmien li jgħidilna l-għalliem fejn qiegħda l-metafora u daqshekk. L-istudent jesplora l-metafora għax jiddiskutiha fil-klassi u mhux biss; kapaċi jifhem l-għaliex qed tintuża, KIF qed tintuża u x’effett qiegħda tħalli. Dan hu sillabu li jirrispetta lill-istudent għax jaf li kapaċi jaħseb, kapaċi josserva u kapaċi jirfina l-għajn kritika. Is-sillabu ma jridx tweġibiet mgħallmin bl-amment. Ma jridx noti rreċiklati. Irid biss kliem l-istudent. Dan hu sillabu tal-istudent u mhux tal-eżami.
Il-Malti qiegħed fik għax twelidt f’ambjent fejn tisimgħu u titkellmu. U anke jekk ma titkellmux, qiegħed hemm lest biex joħroġ minn fommok, għax widnejk imdorrijin jisimgħu l-mużika ħelwa tiegħu. L-għodod li teħtieġ huma r-rieda tajba u l-attitudni pożittiva. Il-letteratura qiegħda fik ukoll għax il-letteratura hija l-ħajja u int il-ħajja qed tgħixha. Int protagonista tal-letteratura. Jekk tħalliha, il-letteratura kapaċi tmisslek ‘il qalbek u ‘l moħħok u tbiddlek. Ieqaf fittex it-tweġibiet it-tajbin. Aħseb. Staqsi. Irrifletti. Ikkritika. Dawn huma l-ħiliet li għandek bżonn. L-għalliem qiegħed hemm biex jiffaċilita dan il-proċess u jgħinek tesplora l-possibbiltajiet li toffri l-letteratura, jgħinek tosserva l-mod KIF qed titħaddem il-lingwa u jgħinek tkabbar l-abbiltà tiegħek biex tagħraf torbot kif qed jikteb il-kittieb mat-temi li qed jittratta.
Għaldaqstant dan is-sillabu qed jagħmillek stedina ġenwina biex tħares b’mod differenti lejn l-eżami. L-eżami mhux qiegħed hemm biex jaqtagħlek qalbek. L-eżami huwa opportunità biex turi dak li taf. Jekk tieħu l-proċess bis-serjetà, jekk tieħu interess, jekk taħseb u tirrifletti dwar dak li qrajt u ddiskutejt, l-eżami huwa mument fejn turi li kbirt fl-għarfien tiegħek. Tibqax bejn ħaltejn. Ftakar, int akbar mill-eżami!