IL-MILIED – ŻMIEN LI TAGĦTI

Reġgħet magħna l-isbaħ festa – il-festa tal-Milied. Żmien fejn aħna lkoll inħossu l-ferħ li ġġib magħha din it-tarbija ċkejkna. Żmien fejn kulħadd iħoss li  għandu jagħti lil ħaddieħor milli għandu. Għalhekk nixtru r-rigali u nagħtuhom lil ħaddieħor u nippruvaw ngħinu bi flusna lil min għandu xi mard jew qiegħed f’sitwazzjoni ħażina. L-importanti hu li dak li tagħmel tagħmlu bl-imħabba. Il-Milied hi l-festa li tħajjarna nħarsu lil hemm minna.   U meta nagħtu ma jkun qed jonqosna xejn, anzi bla ma nafu nirċievu aktar, inħossu ferħ differenti minn tas-soltu.

Fil-ħajja tagħna aħna l-ħin kollu nagħtu lil xulxin: kelma ta’ parir u inkoraġġiment li jista’ jiswa lil ħaddieħor, biċċa xogħol li tista’ tiffranka lil xi ħadd, daqqa t’id li tiswa biex tgħin lil sieħbek. Anke fuq ix-xogħol, kull tip ta’ xogħol, aħna lkoll nagħtu lil ħaddieħor is-servizz tagħna, u nagħtuh bi mħabba.

Aħna l-għalliema, iktar minn xogħlijiet oħra, għandna dan l-impenn li nagħtu lil ħaddieħor minn dak li għandna, u nagħmluh kontinwament, bi mħabba kbira u b’dedikazzjoni. Ma negħjew qatt għax aħna nies dedikati u konvinti li l-ftit tagħna jista’ jagħmel differenza kbira. L-importanti li xogħolna nagħmluh bi mħabba, l-istess imħabba li ġegħlet lil Ġesù jitwieled għalina f’Betlem.

Nawguraw lill-għalliema kollha u lill-familji tagħhom Milied hieni u sena mimlija ġid u hena.

Phyllis u Claire

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.