L-esperjenza tal-poeżija

Alvin Toffler

Din il-kwotazzjoni tfakkarna fix-xogħol tagħna, fl-isfidi li toffri l-edukazzjoni, fir-riforma li għaddejna minnha u l-isfidi li qed titfa’ fuqna l-għalliema. Tfakkarna wkoll fis-suġġett li ngħallmu, fil-lingwa u fil-letteratura. Il-bidla fis-sillabu taċ-ĊES, b’kumbinazzjoni, mexa id f’id mal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid għax joffri din l-isfida ta’ mod ġdid kif ngħixu l-esperjenza letterarja mal-istudenti tagħna. X’inhi din l-isfida?

Il-bniedem għandu t-tendenza li meta jsir adult jimxi mal-istudenti, bl-istess mod kif imxew miegħu l-għalliema li kellu. Fl-istudju tal-letteratura dejjem tgħallimna biex infittxu x’qed jgħid il-poeta fil-poeżija, jew x’inhu l-ħsieb tal-poeżija. L-għalliema dejjem fittxew li jissimplifikaw il-poeżija ppreżentata fuq karta u dejjem ħarisna lejn l-għalliema tagħna bħala s-salvaturi tagħna  biex ifehmulna din l-imbierka poeżija. Iżda l-aktar mument pjaċevoli kien l-ewwel qari tagħha. Il-mument meta nismgħu għall-ewwel darba l-kliem tal-poeżija. Ma konniex nifhmu kollox imma konna nħossu xi ħaġa ġo fina li togħġobna, konna nħoss li din il-kitba fiha valur. Imbagħad kien jasal il-mument ta’ wara meta l-għalliem jispjega biċċa biċċa, kelma kelma, vers vers biex nifhmu l-“ħsieb” tal-poeżija.

Fl-Università, tul il-preparazzjoni tagħna bħala għalliema, nitressqu lejn l-idea tal-esperjenza letterarja bħala esperjenza sabiħa, differenti, li tattira, li tappella għall-istudenti. Żgur li l-lezzjoni tal-poeżija kellha tkun differenti minn tas-soltu għax il-poeżija titlob esperjenza differenti biex isseħħ ġustizzja magħha. L-enfasi kien fuq l-ewwel qari tal-poeżija, u dan jikkoinċidi mal-esperjenza tagħna fil-klassi bħala studenti. Is-suġġerimenti bħall-użu ta’ mużika rilassanti li tikkumplimenta l-poeżija, l-użu tal-viżwal, ħruġ mill-klassi eċċ. kienu kollha suġġerimenti validi u tajbin.

Iżda lil hinn mill-mużika, mill-viżwal, mill-għajnuniet esterni kollha li jeżistu, meta tgħallem il-poeżija hemm xi ħaġa li jrid ikollok int bħala persuna: is-sensittività lejn il-poeżija. Din is-sensittività tgħin lill-poeżija toħroġ fil-klassi bħala organiżmu ħaj, il-poeżija hija “arti” għax kull darba li nidħlu fil-klassi u naqsmuha mal-istudenti, ittina xi ħaġa ġdida, xi ħaġa differenti u fil-mument li aħna bħala għalliema nidħlu f’interazzjoni ma’ din l-arti tal-kelma, l-istudenti jagħrfu mingħajr ma jridu li dawn l-erba’ kelmiet stampati fil-ktieb tagħhom, fihom xi ħaġa speċjali, fihom valur li forsi ta’ min jagħti kashom, jekk xejn imqar għal ftit minuti.

Għalina l-għalliema huwa unur li ngħallmu l-poeżija. Aħna pprivileġġjati li qed ningħataw l-ispazju biex ngħixu l-esperjenza letterarja mal-istudenti tagħna. Kull lezzjoni tal-poeżija hija esperjenza ġdida għax kull darba nistgħu nħossuna differenti, kull darba nosservaw xi aspett ġdid u kull darba l-istudenti, għax huma differenti, jagħtuna lura xi ħaġa li l-poeżija nfisha tkun ħadmet fihom. Il-poeżija hija esperjenza li tiġġedded kull darba.

Għeżież, jekk nidħlu fil-klassi u nqisu l-lezzjoni tal-poeżija bħala lezzjoni kwalunkwe, daqslikieku qed ngħallmu xi formola matematika, verament inkunu qed noqtlu l-poeżija. Ladarba l-poeżija hija organiżmu ħaj, mela f’idejna għandna responsabbiltà kbira biex din il-poeżija nwassluha ħajja għand l-istudenti tagħna u mhux noqtluha qabel biss ma nkunu dħalna fil-klassi. Ġieli nisimgħu xi wħud li jikkummentaw kemm il-poeżiji huma tad-dwejjaq, kemm dawn il-poeti huma mdejqin. Forsi verament, ħafna mill-poeżiji magħżula fis-sillabu tas-sekondarja ma kinux miktuba għal udjenza żagħżugħa. Imma wara dawk il-versi hemm il-ħajja, u jekk aħna bħala għalliema nagħrfu l-valur li hemm wara kull kelma, fil-mod kif inhi mqiegħda, fit-teknika mħaddma, fil-ħsejjes li fiha … żgur li jekk xejn l-istudenti jagħrfu li quddiemhom għandhom biċċa arti li ta’ min tapprezzaha.

Is-sillabu l-ġdid taċ-ĊES huwa stedina għalina l-għalliema biex nerħu warajna l-bagoll tagħna li mlejna tul is-snin, bagoll ta’ metodoloġija u pedagoġija msawrin minn tfulitna sa issa, u nfittxu l-bagoll il-ġdid li jgħin lill-istudenti biex jitgħallmu jsiru aktar kritiċi u mhux sempliċement ifittxu l-ħsieb tal-poeżija. Poeżija qatt ma jkollha ħsieb wieħed, poeżija għandha l-ħsibijiet u allaħares kellna nieqfu mal-ħsibijiet biss, għax l-esperjenza tal-poeżija tmur lil hinn minnhom; hi esperjenza ħolistika ta’ kliem, ħsejjes, ritmi, ħsibijiet, simboliżmi u effetti. L-esperjenza tal-poeżija hija esperjenza straordinarja, esperjenza li tmur lil hinn min-normalità, esperjenza li tqajjem lill-istudenti mir-raqda ta’ dak li huma mdorrijin bih u tistedinhom jaħsbu b’mod differenti lejn il-mod kif tista’ tintuża l-lingwa, lejn l-ideat li joħorġu minn dan il-mod kif qed tintuża l-lingwa u lejn l-esperjenza tal-ħajja li wara kollox twasslilna l-poeżija permezz tal-kelma.

Aħna l-għalliema għandna nħossuna kburin li ġejna fdati biex ngħixu l-esperjenza letterarja mal-istudenti tagħna. Għandna responsabbiltà kbira f’din il-biċċa xogħol delikata għax aħna responsabbli mit-twassil tal-ogħla forma tal-lingwa lill-istudenti tagħna, studenti li għada pitgħada se jkunu huma li jwasslu l-lingwa tagħna lil uliedhom. Għandna r-responsabbiltà li nwasslulhom is-sbuħija tal-kelma Maltija użata f’kuntest artistiku sabiex jagħrfu l-validità tagħha u l-kontemporanjetà tagħha. Il-Malti m’għandux jintuża fl-aspett funzjonali biss. L-istudenti għandhom id-dritt li jiltaqgħu mal-Malti fil-kuntest artistiku tiegħu, fl-ogħla forma tiegħu, biex jagħrfu r-rilevanza tiegħu. Jekk ma nagħmlux dan inkunu qed nonqsu bil-kbir lejn il-Maltin li aħna responsabbli għalihom f’dak li jesperjenzaw fil-klassi. Il-letteratura hija importanti fil-formazzjoni tagħhom għax tagħtihom l-għodda meħtieġa biex ikunu ċittadini maturi, kapaċi jaħsbu, kapaċi jkunu kritiċi u kapaċi japprezzaw dak li hu tagħhom, inkluża l-lingwa. Ejjew aħna bħala għalliema, nagħrfu din ir-responsabbiltà kbira li għandna fuq spallejna u nġorruha b’serenità u konvinzjoni.

This entry was posted in Avviżi. Bookmark the permalink.