“Deċiżi” – għalliema li jemmnu bis-sħiħ fit-tagħlim tal-letteratura

għalliema jaħdmu flimkienDiskussjoni, riflessjoni, argumentazzjoni, metodoloġija, pedagoġija, tqassim, ippjanar, analiżi kritika u ħsibijiet. Dawn kollha kienu fiċ-ċentru tal-laqgħat li saru tul din is-sena skolastika minn grupp ta’ għalliema li għandhom għal qalbhom it-tagħlim tal-letteratura fis-sekondarja. Fid-dawl tas-sillabu l-ġdid taċ-ĊES, “Deċiżi” ħassew il-ħtieġa li jiltaqgħu fil-ħin liberu tagħhom u flimkien, bħala professjonisti, jaħdmu biex jassiguraw li jkomplu jwasslu esperjenza letterarja ta’ kwalità lill-istudenti tagħhom.

Il-laqgħat kienu mqassmin fuq tliet perijodi, Settembru, Novembru u Marzu. Kull perjodu kien jinkorpora tliet laqgħat ta’ sagħtejn kull waħda. Matulhom ġew diskussi r-rumanzett Il-Ħarsa ta’ Rużann u nofs ix-xogħlijiet ta’ Bejn Ħaltejn. Din il-ħidma saret f’atmosfera informali fejn kulħadd ħa gost jagħti l-kontribut tiegħu. “Deċiżi” jinsabu ħerqana biex ikomplu l-ħidma tagħhom fix-xhur li ġejjin.

Hawn taħt issibu x’qalu wħud mill-għalliema dwar din l-esperjenza.

Permezz ta’ dal-laqgħat ħassejt li waqt li naħdmu lkoll flimkien sabiex it-tagħlim tal-Malti jkun ta’ iktar suċċess milli diġà hu, il-ħeġġa għat-tagħlim kompliet tikber u b’hekk inkunu nistgħu ngħadduh lill-istudenti tagħna b’kunfidenza ikbar,u fihom inkomplu nrawmu l-imħabba lejn is-suġġett li jorbothom m’art twelidhom.

– Sarah Ellul, Skola Sacred Heart

* * *

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-għalliem isib għalliema oħra bħalu ma’ min jaqsam l-ideat, il-ħsibijiet, id-diffikultajiet u l-esperjenzi tiegħu, ma’ min bħalu għandu għal qalbu l-Malti. Dan ma jsarrafx biss f’taħriġ għalina l-edukaturi li huwa lil hinn minn dak formali, iżda fl-aħħar mill-aħħar huwa eżerċizzju fejjiedi li minnu jgawdu l-istudenti li niltaqgħu magħhom fil-professjoni tagħna.

– Clint Xuereb, Skola San Andrea

* * *

Dan is-sillabu beda fi żmien meta bdejt ngħallem. Għalhekk kien nifs ġdid iżda wkoll sfida. Għad illi m’għandix f’idejja t-tagħlim tal-letteratura fir-raba’ u l-ħames sena attendejt bit-tama li nitgħallem iżjed għalija nnifsi u anke għall-benefiċċju tal-istudenti stess. U hekk kien. Is-sessjonijiet, kemm tal-bidu, mal-esperti u l-kittieba u kemm bejnietna kienu utli ferm. Tgħallimt daqskemm ħadt gost naqsam l-ideat tiegħi f’ambjent ta’ ħbieb li jħobbu xi ħaġa komuni. Jalla dak li wettaqna jkun ta’ eżempju għal skejjel u entitajiet oħra.

– Leanne Ellul, Skola St Dorothy’s

* * *

Xi drabi l-għalliema jitqiesu bħall-fonti tal-għerf li minnu tieħu dejjem u trodd ftit li xejn, iżda l-grupp ‘Deċiżi’ wera mod ieħor. Deher biċ-ċar li ħafna għalliema huma għatxana biex jiddiskutu l-prattika tagħhom fil-klassi u l-mod kif iħarsu lejn it-testi letterarji li se jaħdmu fuqhom mal-istudenti. L-għalliema kellhom iċ-ċans jisimgħu, jaħsbu, jirriflettu, u jiddiskutu ma’ għalliema oħra ‘l barra mill-iskola tagħhom, affarijiet li forsi ftit ikun hemm ċans għalihom fir-rutina ta’ kuljum. L-atmosfera informali u l-ħerqa tal-għalliema għenu biex dan il-grupp ta’ ħidma jkun ta’ suċċess u jsarraf f’approċċ differenti lejn il-letteratura. Fuq kollox dawn il-laqgħat sarrfu f’diskussjonijiet profondi dwar il-letteratura u komplew isaħħu f’kull għalliem l-imħabba lejn l-arti tal-letteratura, għax jekk ma tħossx tiġri f’demmek il-qawwa tal-letteratura qajla jirnexxilek tgħaddiha b’suċċess lill-istudenti.

– Ann Marie Schembri – Skola St Joseph, Tas-Sliema

 * * *

Il-bidu tal-grupp “Deċiżi” ħabat ukoll mal-ewwel sena li bdejt ngħallem u kompla żied fija l-ħeġġa li minn dejjem kelli biex ngħallem il-letteratura li dejjem emmint li, permezz tagħha, l-istudent ikun kapaċi jirrifletti aktar u aħjar dwar aspetti differenti tal-ħajja u jibni ħiliet kritiċi u analitiċi li ħa jużahom għal firxa wiesgħa t’oqsma anki fil-ħajja ta’ kuljum. Il-grupp żamm ma’ dak li jitlob minna s-sillabu, jiġifieri li nagħrfu x’aspetti tekniċi qed juża l-awtur biex iwassal l-ideat tiegħu, u biex naraw kif il-kontenut u l-istil mhumiex separati minn xulxin iżda jimxu id f’id. Is-sillabu l-ġdid jisħaq ukoll fuq il-bżonn li wieħed jaċċetta interpretazzjonijiet varji tal-istess xogħol letterarju. Kif jgħid il-Malti, “mitt bniedem mitt fehma”, u dan il-grupp kien prova ċara ta’ dan. Kull darba kont nimpressjona ruħi kemm l-interpretazzjoni tista’ tvarja minn persuna għal oħra, u fhimt kemm wieħed ma jistax jidħol fil-klassi imqabbad mal-ideat tiegħu biss.

Permezz ta’ dan il-grupp ħassejna ruħna aktar kunfidenti u ppreparati. Li tidħol fil-klassi daqshekk ippreparat hija ta’ benefiċċju mhux biss għalina l-għalliema, imma anki għall-istudenti. Ta’ kull ġimgħa kont nattendi b’ħerqa kbira biex nitgħallem jien stess, u biex inkun nista’ nitjieb fix-xogħol tiegħi. Minbarra li kulħadd ta l-kontribut tiegħu u tgħallimna minn xulxin, sirna nafu lil xulxin aħjar u naħseb li lkoll bdejna napprezzaw aktar is-saħħa tal-letteratura u kemm din jista’ jkun fiha saffi ta’ tifsir. Għalhekk, din għalija żgur li kienet aktar esperjenza ta’ gost u ta’ ġid milli ta’ obbligu!

Permezz ta’ dawn il-laqgħat, is-sillabu l-ġdid ma baqax sinonimu ma’ biża’ u inċertezza, imma ma’ sfida interessanti li tista’ tagħti ħafna frott jekk wieħed jittrattaha bil-mod kif jixraq. Jiena u l-kollegi tiegħi ninsabu ħerqana ħafna għas-sessjonijiet li jmiss, u nħeġġeġ lil min għandu l-istess imħabba għal-letteratura u għall-istudenti tiegħu biex jibda jattendi hu wkoll ħalli l-grupp ikompli jikber u l-ideat jiżdiedu għall-ġid individwali u kollettiv.

– Donna Borg, Skola Sacred Heart

* * *

Għalkemm is-sillabu l-antik kien għadda żmienu, malli smajt li dan kien se jinbidel, għall-bidu bżajt ftit. Ħassejtni mitluf. Ma kontx naf minn fejn se nibda. Bdew jiġuni ħafna mistoqsijiet f’moħħi: X’qed jistenna mill-istudenti tagħna s-sillabu l-ġdid? Xi sfidi ġodda se joffri għalina l-għalliema u għall-istudenti? Dawn id-dubji kollha, sibt tweġiba għalihom fil-grupp “Deċiżi”. Ħassejtni erġajt lura għall-bank tal-iskola b’differenza. Matul il-laqgħat li kellna, iddiskutejna, analizzajna, u aktar minn hekk, tgħallimna minn xulxin. Fil-klassi mort aktar konvint u mħejji għax ħassejt li warajja kelli grupp ta’ ħbieb li, kemm psikoloġikament u akkademikament, għenni ħafna. Nappella lill-għalliema tal-Malti li għandhom għal qalbhom is-suġġett u l-istudenti biex jingħaqdu magħna ħalli nkomplu nsaħħu t-tagħlim tal-Malti li huwa tant għal qalbna.

-Mauro Camilleri, Skola San Andrea

* * *

“Tajt u Qlajt” hi l-frażi li biha nista’ niddeskrivi dawn il-laqgħat tant interessanti li saru minn żmien għal ieħor, fejn fihom stajt nindunaw aktar kemm il-letteratura mhijiex sempliċiment interpretazzjoni waħda, imma għad ta’ interpretazzjonijiet li jvarjaw minn persuna għal oħra. Il-grupp ”Deċiżi” li fforma fil-bidu tal-karriera tiegħi, tani ċ-ċans li naqsam il-ħsibijiet u anke d-diffikultajiet tiegħi, ma’ persuni li mhux biss jgħallmu dan is-suġġett, imma għandhom għal qalbhom il-Malti. “Deċiżi” kabbar fija l-entużjażmu għal-letteratura, u għenni biex dan is-sillabu l-ġdid narah bħala sfida li flimkien mal-membri l-oħra stajt negħleb, aktar milli narah bħala bidla li tbeżża’. Ninsab ħerqana biex dan il-grupp ikompli bil-ħidma tiegħu, sabiex b’hekk inkabbru aktar l-għarfien tal-letteratura u nuru l-importanza tagħha.

– Sephora Borg, Skola St Dorothy’s

* * *

Bħala għalliema tal-Malti, din kienet it-tieni darba fil-kors tat-tagħlim tiegħi li rajt sillabu tal-Malti jinbidel fil-livell ordinarju. Bidla fis-sillabu ġġib reazzjonijiet varji. Din il-bidla kienet waħda mixtieqa  u bżonjuża però sillabu ġdid iqanqal ħafna dubji, inċertezzi u xi ftit biża’ wkoll speċjalment fuq l-għażla tax-xogħlijiet fl-antoloġija ‘Bejn ħaltejn’ kif ukoll l-istudju ta’ rumanz li reġa’ deher wara ħafna snin.

Nistqarr li  kollha ħassejthom dawn l-emozzjonijiet għalhekk kont waħda minn din il-ġemgħa. Però llum, wara sena u nofs li ilni nattendi dawn il-laqgħat bnejt fija ċertu kunfidenza ta’ kif l-aħjar għandi naffronta dan is-sillabu u x’inhuma l-miri li għalliem irid jilħaq flimkien mal-istudenti tiegħu fil-klassi.

Naqbel mal-isem li ngħata lil dawn il-laqgħat, “Deċiżi”; iva konna deċiżi aħna l-għalliema li ddeċidejna li nilqgħu din l-isfida billi nibdew nattendu laqgħat mħejjija apposta għalina, u ta’ dan nirringrazzja lill-koordinaturi tal-Malti li ħadmu biex danakollu jitwettaq. Deċiżi iva għax minkejja l-impenji tagħna wara l-iskola, konna determinati biżżejjed biex ningħaqdu għal ftit sigħat flimkien nisimgħu, niddiskutu, nistaqsu kif ukoll nitgħallmu u nkabbru aktar l-għarfien tagħna. Fl-ewwel sensiela tal-laqgħat smajna diversi kelliema professjonisti li ġew u analizzaw xi xogħlijiet letterarji. Fosthom ukoll kien hemm awturi tal-istess xogħlijiet li nsibu fl-antoloġija ‘Bejn Ħaltejn’ fejn dawn kienu lesti li jilqgħu l-istedina  u smajniehom jaqsmu l-ideat tagħhom magħna. Kien hemm ħin allokat għal diskussjoni fejn wieħed seta’ jsaqsi u jiddibatti li jrid. Kien hemm mumenti fejn ħassejtni qed niġi servuta fuq platt tal-fidda!

It-tieni sezzjoni ta’ dawn il-laqgħat iddeċidejna li niffurmaw grupp u mmiddu jdejna għal dan is-sillabu. Qassamna xi xogħlijiet letterarji bejnietna, tellajna preżentazzjonijiet fejn wieħed hawnhekk seta’ jinterċedi kull ħin u kull mument, billi jkompli jagħti l-interpretazzjonijiet tiegħu, iddiskutejna kif ukoll qsamna bejnietna xi diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom fil-klassi u smajna lkoll lil xulxin, ma naqsitx ukoll xi daħka ‘l hawn u ‘l hinn li ġġegħilna nkomplu b’ħidmitna b’ċertu ottimiżmu u pożittività.

Dawn il-laqgħat kienu ta’ benefiċċju kbir għalina mhux biss min-naħa ta’ għalliema, imma għax irnexxielna nsiru nafu lil xulxin kemm fuq livell professjonali kif ukoll dak individwali. Permezz tal-preżentazzjonijiet u d-diskussjonijiet li nħolqu, ġbarna ħażna ta’ ideat  tajbin u utli li wieħed jista’ jwassal fil-klassi tiegħu, jaqsmahom mal-istudenti u jgħinhom aħjar fit-tagħlim u l-għarfien letterarju.

Dawn il-laqgħat narahom mitt elf darba aħjar minn ktieb tan-noti, għax filwaqt li ktieb tajjeb kemm hu tajjeb dejjem hemm interpretazzjoni waħda, moħħ wieħed janalizza biċċa xogħol. “Deċiżi” kien grupp ta’ għalliema tal-Malti li ħadmu bi sħiħ u għax għandhom il-Malti  għal qalbhom u jixtiequ jagħtu l-aħjar lill-istudenti tagħhom fil-klassi,  għamlu u taw l-aħjar li setgħu. Ma konniex passivi anzi motivati tassew! Nammira l-fatt li kull wieħed u waħda minna tgħallem minn xulxin u ġbarna materjal tant tajjeb u essenzjali għal kull għalliem hemm barra li jista’ juża mal-klassi tiegħu. Għalhekk nistieden lil dawk l-għalliema li semgħu jew li qatt għadhom ma semgħu bina biex tingħaqdu magħna fil-laqgħat li ser isiru fil-futur qarib. Aktar ma nkunu aktar aħjar għax inkomplu inkabbru l-għarfien tagħna letterarju u nissaħħu bħala għalliema. Min għandu għal qalbu t-tagħlim tal-Malti jasal jagħmel dan il-pass bħalma għamilna aħna diġà, għalhekk nittamaw li naraw uċuħ  ġodda fil-laqgħat li jmiss.

-Wilma Galea, Skola St Monica B’Kara

* * *

Il-laqgħat li saru bejnietna l-għalliema tal-Malti nħoss li kienu utli ħafna u ċertament li kienu ta’ għajnuna għal kull għalliem/a li attendew u ħadu l-frott minn dawn il-laqgħat. Ilkoll tgħallimna mingħand xulxin u qsamna l-ideat tagħna flimkien biex b’hekk ħadna l-ħsibijiet ta’ xulxin u flimkien fhimna lil xulxin u apprezzajna l-għarfien ta’ kull individwu! Nemmen li dawn il-laqgħat  mhumiex biss utli għal dawk l-għalliema li jgħallmu fir-raba’ u fil-ħames sena tas-Sekondarja.Għalkemm fil-passat ġieli għallimt studenti li kienu ħa jagħmlu l-ezami tal-‘Matsec’ fil-preżent qiegħda ngħallem studenti tal-ewwel u tat-tieni sena. Jiena iżda nħoss li dawn għalija xorta kienu utli u importanti ħafna għax nemmen li għalliema professjonali għandhom ikunu jafu fid-dettall is-sillabu tas-snin li anke huma stess ma jkunux jgħallmu dan sabiex ikunu jafu x’joffri u b’hekk mill-ewwel snin tas-sekondarja l-għalliema jgħallmu b’tali mod li jħejju lill-istudenti b’ċerta għarfien u dan ikun aktar faċli biex l-istudenti stess ma jsibuhiex diffiċli biex jaddattaw għas-sillabu tal-Matsec. Dawn il-laqgħat tant kienu utli li nemmen li anke għandhom isiru laqgħat simili anke fil-qasam tal-Grammatika u f’oqsma u ħiliet oħra li għandu s-suġġett tal-Malti. Grazzi ħafna lil Claire u lil Phyllis tal-paċenzja li ħadu bina, tal-ħidma sfiqa li jagħmlu u ta’ kemm verament japprezzaw ix-xogħol tal-għalliema tal-Malti!

-Amanda Tanti, Skola Sacred Heart

* * *

Dawn il-laqgħat tawni l-ispazju biex nagħti l-kontribut tiegħi. Allavolja l-esperjenza tiegħi ġejja minn skola indipendenti u allavolja bħalissa lanqas biss qed ngħallem fi skola, xorta apprezzajt ħafna l-laqgħat li kellna. Apparti li sirt naf ħafna għalliema oħra, apparti li ma ħassejtnix aktar waħdi naqdef kontra sillabu, jien apprezzajt dawn il-laqgħat għax tawni ċ-ċans inkompli nistħarreġ fuq dak li tant inħobb; il-lingwa u  l-letteratura Maltija.

– Marienza Spiteri Dimech

* * *

This entry was posted in Avviżi. Bookmark the permalink.

Ħalli messaġġ

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.