Fid-19 ta’ April 2013, l-għalliema tal-Malti fl-iskejjel tal-Knisja li jgħallmu fl-ewwel tliet snin, kellhom l-opportunità li jiltaqgħu, jiddiskutu u jisimgħu kelliema esperti f’żewġ oqsma tas-sillabu, il-poeżija u l-grammatika. Dan is-seminar, organizzat mill-Kapijiet tad-Dipartiment fi ħdan is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, Phyllis Debono u Claire Zerafa, intlaqa’ tajjeb ħafna u l-għalliema ħassew li setgħu jirriflettu fuq il-prattika tagħhom fil-klassi u jimxu ‘l quddiem fl-iżvilupp professjonali tagħhom.
Is-seminar kellu żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, Dr Bernard Micallef, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta, tkellem dwar l-esperjenza tal-poeżija fil-klassi. Hu analizza ‘Bebbuxu’ ta’ Achille Mizzi u ‘Lill-Qamar Kwinta’ ta’ Rena Balzan. L-għalliema mbagħad kellhom iċ-ċans jintervjenu u jistaqsu dak kollu li jixtiequ u huma wkoll tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom fil-lezzjonijiet tal-poeżija. L-għalliema ngħataw materjal b’informazzjoni dwar l-analiżi kritika, punti meħudin minn kitba ta’ Dr Adrian Grima.
It-tieni parti tal-laqgħa kienet mal-Prof. Manwel Mifsud dwar suġġett li kultant jista’ jkun ta’ problema, iz-zokk morfemiku. Profs Mifsud tkellem dwar id-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom meta nkunu qed niddiskutu z-zokk mal-istudenti. Dan iz-zokk jista’ jinbidel u jvarja u l-għalliema jridu jkunu lesti li jaċċettaw iż-żewġ zkuk differenti. Il-Prof. Mifsud ta materjal utli lill-għalliema.
Ritratti tas-seminar