Fuq talba tal-għalliema li attendew bi ħġarhom għall-ewwel sessjoni (27/4/12), l-Akkademja tal-Malti u l-Uffiċjali Edukattivi tal-Malti David Agius Muscat, George Mifsud u David Muscat, bil-kollaborazzjoni tal-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti tal-Iskejjel tal-Knisja Phyllis Debono u Claire Zerafa, se jorganizzaw sessjoni oħra fuq l-ortografija tal-Malti. Din se ssir fit-18 ta’ Mejju 2012, mill-5.30pm sas-7.00pm fiċ-Ċentru tal-Kurrikulu, Triq Sarria, il-Furjana, u se titmexxa mis-Sur Carmel Azzopardi.
L-għalliema tal-primarja u s-sekondarja mħeġġin jattendu u jistaqsu mistoqsijiet fuq l-ortografija Maltija. Napprezzaw ħafna jekk il-mistoqsijiet jintbagħtu minn qabel lis-Sur Azzopardi f’dan l-indirizz ħalli jkun jista’ jitkellem dwarhom dakinhar tat-taħdita. L-għalliema jistgħu jistaqsuh xi mistoqsijiet dak il-ħin ukoll. Kulħadd huwa mistieden jattendi u l-attendenza hija bla ħlas.
Is-Sur Carmel Azzopardi huwa l-President tal-Akkademja tal-Malti u kien għalliem tal-Malti għal ħafna snin. Huwa kittieb u jispeċjalizza fl-ortografija Maltija.