Analiżi tal-poeżija Fejn Jorqod ir-Riħ ta’ Achille Mizzi
Il-Ħamis, 19 ta’ Jannar | 5.30pm | il-Kurja, il-Furjana
Imexxi s-sessjoni Dr Bernard Micallef
Is-sensiela Deċiżi waslet fir-raba’ laqgħa tagħha. Nhar il-Ħamis, 19 ta’ Jannar, l-għalliema tal-Malti se jiltaqgħu għal darb’oħra biex ikomplu jiddiskutu x-xogħlijiet mill-antoloġija l-ġdida, Bejn Ħaltejn.
Fl-ewwel tliet laqgħat ġew analizzati żewġ xogħlijiet kull darba. Did-darba l-laqgħa se tieħu xejra ta’ sessjoni ta’ taħriġ u se tkun analizzata poeżija waħda biss: Fejn Jorqod ir-Riħ ta’ Achille Mizzi. L-għan tal-laqgħa hu li l-għalliema jieħdu post l-istudenti u flimkien f’diskussjoni jkunu jistgħu jaslu huma stess għall-interpretazzjoni tal-poeżija. Dr Bernard Micallef se jkun preżenti biex joffri gwida lill-għalliema.
L-ewwel tliet laqgħat ntlaqgħu tajjeb ħafna u l-kummenti tal-għalliema wrew il-bżonn li dawn il-laqgħat jibqgħu għaddejjin. L-ewwel laqgħa saret fis-27 ta’ Ottubru. Fiha Dr Mario Cassar intervista lil Trevor Żahra fuq Geraldine filwaqt li Dr Adrian Grima għamel kritika fuq il-kitba ta’ Pierre J Mejlak, Jacqueline.
Fit-tieni laqgħa li saret fis-17 ta’ Novembru, il-Prof. Oliver Friggieri tkellem dwar it-tbatija fin-novella Koranta waqt intervista li saritlu mill-Prof. Charles Briffa. Fl-istess laqgħa, Immanuel Mifsud ta interpretazzjoni tan-novella ta’ Clare Azzopardi, Aqrali Xi Ħaġa Ġdida, Qaltilha.
Imbagħad l-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru Anna Zammit intervistat lil Mario Azzopardi fuq il-poeżija Refuġjata u wara Dr Adrian Grima ta ħarsa lejn in-novella Bl-Irħis ta’ Vincent Vella. Wara saret diskussjoni u l-interpretazzjonijiet li ħarġu żgur li għenu lil kull min kien preżenti biex iwessa’ l-analiżi tiegħu dwar din il-kitba.
Ritratti mill-album tal-laqgħat