Deċiżi (li) jkomplu…

Analiżi tal-poeżija Fejn Jorqod ir-Riħ ta’ Achille Mizzi
Il-Ħamis, 19 ta’ Jannar | 5.30pm | il-Kurja, il-Furjana
Imexxi s-sessjoni Dr Bernard Micallef

Is-sensiela Deċiżi waslet fir-raba’ laqgħa tagħha. Nhar il-Ħamis, 19 ta’ Jannar, l-għalliema tal-Malti se jiltaqgħu għal darb’oħra biex ikomplu jiddiskutu x-xogħlijiet mill-antoloġija l-ġdida, Bejn Ħaltejn.

Fl-ewwel tliet laqgħat ġew analizzati żewġ xogħlijiet kull darba. Did-darba l-laqgħa se tieħu xejra ta’ sessjoni ta’ taħriġ u se tkun analizzata poeżija waħda biss: Fejn Jorqod ir-Riħ ta’ Achille Mizzi. L-għan tal-laqgħa hu li l-għalliema jieħdu post l-istudenti u flimkien f’diskussjoni jkunu jistgħu jaslu huma stess għall-interpretazzjoni tal-poeżija. Dr Bernard Micallef se jkun preżenti biex joffri gwida lill-għalliema.

L-ewwel tliet laqgħat ntlaqgħu tajjeb ħafna u l-kummenti tal-għalliema wrew il-bżonn li dawn il-laqgħat jibqgħu għaddejjin. L-ewwel laqgħa saret fis-27 ta’ Ottubru. Fiha Dr Mario Cassar intervista lil Trevor Żahra fuq Geraldine filwaqt li Dr Adrian Grima għamel kritika fuq il-kitba ta’ Pierre J Mejlak, Jacqueline.

Fit-tieni laqgħa li saret fis-17 ta’ Novembru, il-Prof. Oliver Friggieri tkellem dwar it-tbatija fin-novella Koranta waqt intervista li saritlu mill-Prof. Charles Briffa. Fl-istess laqgħa, Immanuel Mifsud ta interpretazzjoni tan-novella ta’ Clare Azzopardi, Aqrali Xi Ħaġa Ġdida, Qaltilha.

Imbagħad l-Erbgħa, 7 ta’ Diċembru Anna Zammit intervistat lil Mario Azzopardi fuq il-poeżija Refuġjata u wara Dr Adrian Grima ta ħarsa lejn in-novella Bl-Irħis ta’ Vincent Vella. Wara saret diskussjoni u l-interpretazzjonijiet li ħarġu żgur li għenu lil kull min kien preżenti biex iwessa’ l-analiżi tiegħu dwar din il-kitba.

Ritratti mill-album tal-laqgħat

This slideshow requires JavaScript.

Posted in Kuntatt mal-għalliema | Leave a comment

L-ewwel laqgħa mal-għalliema

Nhar il-Ħamis, 27 ta’ Ottubru, saret l-ewwel laqgħa mis-sensiela Deċiżi fuq il-kontenut tas-sillabu taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja 2014.

This slideshow requires JavaScript.

F’din il-laqgħa, Dr Mario Cassar intervista lill-awtur Trevor Żahra fuq il-poeżija Geraldine filwaqt li Dr Adrian Grima analizza n-novella Jacqueline. L-għalliema laqgħu din l-inizjattiva b’entużjażmu. Dawn il-laqgħat se jservu bħala gwida u fl-istess ħin qed joffru opportunità tajba għal diskussjoni diretta bejn l-għalliema u l-awturi u l-poeti li hemm fis-sillabu li qed jgħallmu. Dan huwa l-bidu ta’ ħidma kollettiva bejn l-għalliema tal-Malti. Sodisfatti ħafna bl-attendenza u ħerqana biex nibqgħu niltaqgħu u naħdmu flimkien għat-tagħlim tal-istudenti tagħna.

Nixtiequ nfakkru lill-għalliema li l-laqgħa li jmiss se ssir fis-17 ta’ Novembru, il-Kurja, fis-6pm. Id-dħul ikun minn Triq l-Iljun, il-Furjana. Dakinhar se jkollna lill-Prof. Charles Briffa li se jintervista lil Oliver Friggieri, awtur ta’ Il-Koranta. Barra minn hekk, Immanuel Mifsud se jagħmel analiżi fuq il-kitba ta’ Clare Azzopardi Aqrali xi ħaġa ġdida. Narawkom!

Posted in Kuntatt mal-għalliema | Leave a comment

Imniedi sit għal Dun Karm

Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-50 anniversarju mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ix-Xogħol u l-Familja nieda sit elettroniku għal Dun Karm b’tagħrif fuqu u fuq l-attivitajiet li qed ikunu organizzati matul din is-sena, b’rabta ma’ dan l-anniversarju.

Is-sit tista’ tidħol fih billi tikklikkja fuq l-istampa t’hawn taħt:

Posted in Avviżi | Comments Off on Imniedi sit għal Dun Karm