Festival Mediterranju tal-Letteratura 2014

Posted in Uncategorized | Comments Off on Festival Mediterranju tal-Letteratura 2014

L-ewwel għawma

Il-ħajja arloġġ bil-minutieri għaddejjin bla waqfien, b’pass meqjus, jimmarkaw il-ħin biex ifakkru li jmiss xi ħaġa oħra, xi azzjoni oħra, xi avveniment ieħor, xi ħaġa ġdida. Bdejna staġun ieħor. Bidu ieħor li jfisser drawwiet differenti minn ta’ qablu. Il-baħar jieħu xeħta oħra f’għajnejna, bħal stedina ħelwa għal waqfien mir-rutina tal-iskola. Inħarsu lejh u nafu li l-ewwel għawma se tissimbolizza perjodu li spiċċa u perjodu ieħor li se jibda. Is-sensazzjoni li nħossu hekk kif ġisimna jmiss mal-ilma mielaħ, għall-ewwel kiesaħ, hi qadima għax nafuha sa mill-ewwel darba li doqnieh, imma kull darba ssir ġdida hekk kif insibu ruħna quddiemu lesti biex nidħlu fih. Jekk hux minn fuq blata jew fuq ir-ramel, għal ftit ħin inħarsu lejn il-wesgħa blu ta’ quddiemna u nieħdu gost. Jekk hux bil-qabża jew bit-tortura tal-ftit ftit, hekk kif nintefgħulu nħossuna qed ninħaslu minn dak kollu li għaddejna minnu matul din is-sena skolastika u nittamaw li f’dawn it-tliet xhur sħan nerġgħu niġġeddu biex nilqgħu s-sena skolastika li jmiss.

Is-sajf it-tajjeb lill-istudenti, lill-għalliema u lil kull min jogħġbu jżur dan is-sit. Komplu idħlu kultant żmien għax l-arloġġ tas-sit se jibqa’ għaddej u se tibqgħu ssibu materjal ġdid li jista’ jintuża għat-tagħlim tal-Malti.

Claire Zerafa u Phyllis Debono

Posted in Uncategorized | Comments Off on L-ewwel għawma

Poeżija kif jgħallmuhielna

kitba ta’ Amy Camilleri, Skola Sacred Heart

Ma nafx inqabbel;
ma nafx nifforma vers imġiddem.
“Ma nafx” taħt xulxin; anafora dik!
Repetizzjoni! Rajtha?
Għamilt użu miċ-ċesura
u l-alliterazzjoni
u iss’issa l-eliżjoni
u l-ewwel gdibt ukoll
(…u issa l-polisindeto)
għax dawn huma fil-fatt versi –
versi bla sugu,
hux tassew?

Hekk jgħallmuna –
termini letterarji telgħin
u termini letterarji neżlin.
Personifikazzjonijiet jitkellmu,
similitudnijiet jaqgħu fuqna
donnhom xi ħalba xita,
iperbole wara l-oħra
bil-mijiet u l-eluf,
u l-metafora l-gverta
li sirna nitgħattew biha billejl
(qabel xi test… jew eżami)
biex ma niksħux
u forsi norqdu sew.

U kollox jibqa’ fl-arja
u jekk mhux fl-arja,
maqful ġo gaġġa ta’ linji taħt xulxin…
f’esej.

Jista’ jkollok poeżija moderna
b’versi li ma jirrimawx.
(Rajtx? M’hemmx bżonn tkun taf tqabbel!)
Inkella b’rima ekwivoka
biex taparsi tgħallimt tqabbel
u ma jkollokx għal xiex tgħid li l-versi
ma jirrimawx.

Imm’hemm metrika oħra
Dik tradizzjonali
Il-versi jirrimawlek
U r-ritmu mużikali.

Jista’ jkollok vers endekasillabu
jew inkella vers dekasillabu
b’disa’ sillabi – novenarju
u bi tmienja – ottonarju
imbagħ’d vers settenarju…
issa ddejjaqt naħseb!
Issa xbajt ngħodd!
Għoddhom waħda
għalija.
Isa!

Issa jekk ikollok vers
li jispiċċa aċċentat,
dak jissejjaħ tronk;
waqt li s-sillabi tgħodd
(u tgħoddhom mingħajr qrid)
suppost tiftakar dlonk
li oħra trid iżżid.
Imma ’k tara
li l-aċċent qiegħed
fuq is-sillaba ta’ qabel l-aħħar,
mela ħija, isimagħni
u ħallina miċ-ċuċati
la żżidx sillabi, qed ingħidlek
għax quddiemek għandek wati.

Hekk jgħallmuna –
termini letterarji telgħin
u termini letterarji neżlin.
Enfasi!
Imma li ma kienx għall-enfasi,
ma nitgħallmu xejn…

Fil-fatt, jekk ma fhimtx saħta
minn dil-poeżija
u qed titkerrah u tgħolli ħuġbejk,
għandek għażla:
jew tiftaħ dizzjunarju
u titgħallem xi ħaġa,
jew tiftaħ ħalqek beraħ
u tibqa’ skantat.

Posted in Uncategorized | Comments Off on Poeżija kif jgħallmuhielna