Ċirkulari mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb 2015

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar lill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tal-2015 ser isir bejn l-4 u 8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi (Mediterranean Conference Centre), il-Belt Valletta.

Kull tifel u tifla li ser jattendu flimkien mal-klassi u l-iskola tagħhom il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb matul il-ħinijiet ta’ filgħodu, ser jibbenefikaw minn “voucher” ta’ € 3 kull wieħed li jista’ jintuża biex jinxtraw kotba minn kull esebitur tal-Festival. Dan il-“voucher” irid jiġi użat fil-ħin meta l-klassi jew skola tkun qed tagħmel iż-żjara tagħha u ma jistax jintuża fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

It-tfal ser ikollhom biżżejjed ħin biex ifittxu u jagħżlu l-ktieb jew kotba li jridu jixtru imma huwa impotanti ħafna li l-għalliema jidderieġu lill-istudenti sabiex jagħmlu l-aħjar għażla għalihom fix-xiri tal-kotba.

Waqt il-Festival, it-tfal ser ikunu qed jesperjenzaw animazzjoni teatrali waqt li qed jixtru l-kotba u anke xi attivitajiet relatati mal-“Premju Terramaxka: il-premju nazzjonali ta’ kotba għat-tfal u l-adolexxenti”. Aktar informazzjoni dettaljata fuq il-programm ser toħroġ iktar tard.

L-iskejjel jew klassijiet li huma interessati jattendu għandhom jinnotifikawna minn issa. In-notifiki li jinkludu n-numru ta’ studenti u l-klassijiet għandhom jintbagħtu lil Michael Mercieca fuq michael.mercieca@gov.mt. Grazzi ħafna u nawguraw li nerġgħu narawkom għal dan il-Festival tant importanti.

Mark Camilleri

Chairman Eżekuttiv

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Posted in Uncategorized | Leave a comment

festival tal-ktieb
Ħinijiet tal-Ftuħ:
L-Erbgħa 4 NOV: 09:00 – 13:00 & 17:30 – 21:30
L-Ħamis 5 NOV: 09:00 – 13:00 & 17:30 – 21:30
Il-Ġimgħa 6 NOV: 09:00 – 13:00 & 17:30 – 22:00
Is-Sibt 7 NOV: 09:30 – 14:00 & 17:30 – 22:30
Il-Ħadd 8 NOV: 09:30 – 21:00

Dalwaqt jerġa’ magħna l-aktar avveniment importanti tas-sena f’Malta għas-suq tal-kotba: meta l-pubblikaturi u l-awturi kollha lokali jiltaqgħu taħt saqaf wieħed. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser iseħħ mill-4 sat-8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta. 

F’dawn il-ħamest ijiem, il-pubbliku ġenerali ser ikun jista’ jżur il-bini maestuż ta’ Dar il-Mediterran fejn ser ikun hemm il-pubblikaturi kollha Maltin flimkien ma’ pubblikaturi barranin li ser jesebixxu u jbigħu l-aħħar xogħlijiet tagħhom. Bħas-soltu ser ikun hemm ukoll id-distributuri u l-ħwienet tal-kotba lokali, imma magħhom ser ikun hemm ukoll ħanut tal-kotba minn Pariġi bl-għajnuna tal-Ambaxxata Franċiża u anke l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi Sqallin bl-għajnuna tal-Istitut Kulturali Taljan.

Għal sena oħra l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser ikun avveniment b’ħafna attivitajiet kulturali u edukattivi għal kull persuna: miż-żgħar sal-kbar. Awturi u pubblikaturi Maltin ser jippreżentaw l-aħħar kotba tagħhom f’sensiela ta’ attivitajiet bħala parti mill-programm kulturali u edukattiv tal-Festival. Għal din is-sena, il-programm ser jinkludi attivitajiet li jiċċelebraw ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fosthom lil Godfrey Wettinger li s-sena l-oħra ġie rikonoxxut bil-premju “Kisba tul il-Ħajja”.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar ukoll li l-mistednin distinti ta’ din is-sena ser ikunu Marie Darrieussecq, kittieba Franċiża; Maram al-Masri, kittieba Sirjana li tgħix Pariġi; il-poeta Rumen Dan Sociu u l-pubblikatur tiegħu Bogdan Stanescu; u l-pubblikatur Ingliż tal-antoloġija Maltija “This Fair Land”, Clive Boutle. Dawn il-mistednin ser ikunu magħna matul il-Festival u ser jieħdu sehem f’attivitajiet għall-pubbliku. 

Fil-ħinijiet ta’ filgħodu, l-iskejjel kemm pubbliċi u privati huma mistednin jattendu l-Festival għall-Premju Terramaxka: il-Premju ta’ Kotba għat-Tfal u l-Adolexxenti. It-tfal kollha tal-iskejjel ser jingħataw biljetti ta’ €3 li jistgħu jużaw fil-ħin li jattendu mal-iskola tagħhom mingħand kull esebitur tal-Festival. Din l-inizjattiva qed issir biex jiġi assigurat li l-istudenti kollha li jattendu mal-iskola jmorru lura d-dar bi ktieb f’idejhom. 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lill-pubbliku biex jattendi bi ħġaru għal dan l-avveniment tant importanti għall-iżvilupp kulturali u edukattiv ta’ pajjiżna. M’hemmx xirja isbaħ minn xirja ta’ kotba. Bħalma qal il-kittieb popolari Neil Gaiman: “Ktieb huwa ħolma li żżomm f’idek.” U l-Festival ta’ din is-sena ser jerġa’ għal darba oħra jiftaħ il-bibien tat-tagħlim, il-ħolm u l-fantasija. 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. L-isponsor uffiċjali tal-Festival huwa l-APS Bank.

POSTS
Posted in Uncategorized | Leave a comment

Jum Ewropew tal-LingwiNhar is-Sibt, 26 ta’ Settembru, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta se tkun qed tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi fi Pjazza Sant Anna, Tas-Sliema, bejn is-19:00 u d-21:00. Għat-tielet sena konsekuttiva, l-Għaqda tal-Malti – Università qed tieħu ħsieb l-organizzazzjoni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni.

F’din il-lejla, l-Għaqda se tkun qed tlaqqa’ ambaxxati, skejjel u għaqdiet li jippromwovu lingwi differenti, filwaqt li ttella’ attivitajiet li jintrabtu mat-tema tal-lingwi u li jista’ jattendi għalihom il-pubbliku. 

Fost l-attivitajiet se jkun hemm qari ta’ kitbiet ta’ Immanuel Mifsud li ġew tradotti għal diversi lingwi fosthom l-Ingliż, l-Ungeriż, il-Ġermaniż u l-Franċiż. Luke u Jessica se jkunu qed jakkumpanjawna b’mużika li tirrifletti t-tema tal-lingwi.

Ħajr lill-Fondazzjoni Valletta 2018 u lill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Posted in Uncategorized | 2 Comments