Attivitajiet organizzati fl-Iskola Sekondarja St. Francis marbuta ma’ Jum il-Malti 2015

Jirrapportaw l-għalliema tal-iskola: Sa Bartolo, Sa Borg u Sa Tanti Gregoraci

Nhar it-Tnejn, 23 ta’ Novembru, is-Sa Leanne Ellul żaret l-iskola St. Francis sabiex torganizza workshop lill-istudenti tar-Raba’ Sena. F’dan il-workshop, inqraw xi paġni mill-ewwel pubblikazzjoni ta’ Ellul, ‘Gramma’ minn Ellul nfisha. Waqt il-qari, Ellul involviet l-udjenza billi staqsietha taqta’ xi kliem li kien imħawwad marbut mal-istess rakkont u ktieb.

St Francis 1

Il-workshop kompla b’attività li involviet lill-istudenti kollha. Kull studenta kellha twaħħal karta fuq wara tal-flokk tagħha u tħalli lil sħabha jiktbulha tliet aġġettivi pożittivi dwarha. Wara, kull studenta kellha tuża l-aġġettivi li tawha sħabha u tagħti kulur, togħma u riħa lil kull wieħed minn dawn l-aġġettivi.

Sabiex tingħalaq l-attività, l-istudenti kienu mistennija jużaw il-ħila tal-kitba u jiktbu paragrafu qasir imsawwar fuq l-istess aġġettivi li ngħataw. Barra minn hekk, l-istudenti setgħu jiksbu kopja tal-ktieb ‘Gramma’ mingħand rappreżentanta tal-Merlin Publishers.

St Francis 3Nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Novembru, is-Sur Ivan Debattista organizza workshop għall-istudenti tal-ewwel sena. Debattista ta deskrizzjonijiet iddettaljati dwar il-pubblikazzjonijiet tiegħu, mill-ewwel ktieb li ħareġ sal-aħħar wieħed li jinsab għall-bejgħ.

Debattista mar lil hinn mill-pubblikazzjoni bħala ktieb u spjega l-qafas u n-nisġa tal-ideat li jsawwar sabiex jifforma biċċa kitba wara l-oħra. L-istudenti interessaw ruħhom ferm fid-dettalji li beda jagħti l-awtur u bdew jistaqsu ħafna mistoqsijiet relatati u siewja.

Iktar interess kompla jintlaħaq meta Debattista beda jitkellem dwar il-ktieb li l-istudenti nfushom iridu jistudjaw din is-sena, ‘Il-Fanal tas-Sinjur’. L-istudenti bdew jistaqsu lil dan il-kittieb dwar il-kitba nnifisha, dwar kif jirnexxilu jikteb daqshekk fit-tul u kif jirnexxilu jwaħħad idea ma’ oħra b’mod daqshekk kreattiv. L-istudenti staqsew ukoll dwar xi karattri partikolari li jissemmew fil-kotba u li s’issa għadhom qed jiskopru iżjed dwarhom. L-awtur ħallihom iżjed bil-kurżità milli ġew biha.

‘Viva Malta’

St Francis 5

Dan huwa t-titlu tar-reċta li l-iskola tellgħet b’rabta ma’ Jum il-Malti. Għal din ir-reċta saru ħafna preparazzjonijiet u provi. Ta’ kuljum l-istudenti u l-għalliema tal-Malti kienu mistennija jagħmlu l-provi għal din ir-reċta waqt il-ħin tar-rikreazzjoni. Fl-aħħar ħmistax, l-atturi kienu mistennija jagħmlu darbtejn provi wara l-ħin tal-iskola sabiex jiffinalizzaw ix-xogħol.

Matul il-jum tal-Ħamis, 26 ta’ Novembru l-iskola ċċelebrat Jum il-Malti. Fil-break l-għalliema u l-istudenti setgħu jixtru ikel tipiku Malti, ngħidu aħna xi qagħaq tal-għasel u mqaret, kif ukoll biskuttini tar-raħal u ħobż ta’ San Martin.

St Francis 7

Fl-istess jum, ittellgħet reċta bl-isem ‘Viva Malta’ bil-parteċipazzjoni ta’ xi wħud mill-istudenti minn kull sena Sekondarja. Kull parteċipanta ngħatat ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.

Għal dan il-jum, l-amministrazzjoni stiednet il-familjari ta’ dawk li kienu qed jieħdu sehem sabiex jiġu jaraw din ir-reċta.

St Francis 11Barra minn hekk, matul il-ġimgħa, kull studenta fl-iskola kellha l-opportunità biex tesponi xi xogħol kreattiv tagħha jew xi xogħol marbut ma’ xi qasam jew ħila partikolari fil-Malti. Dan ix-xogħol ġie muri fuq bords apposta fil-kuritur tal-iskola.

 


Iċċelebrajtu l-Malti fl-iskola tagħkom? Għamiltu xi attività? Stedintu lil xi kittieb? Għamiltu proġett mhux tas-soltu? Jekk trid tista’ tibagħtilna l-informazzjoni u aħna niċċelebraw magħkom billi ntellgħu l-informazzjoni fuq is-sit u nħajru lil studenti u għalliema oħra biex  jagħmlu l-istess.


 

 

Posted in Uncategorized | Leave a comment

Tifel miċ-Ċina jappella lill-Maltin biex japprezzaw il-Malti

jeremy

Hawn ħafna li jgħidulek li jafu jitkellmu l-Malti iżda ma jafux jiktbuh. Oħrajn isibuha bit-tqila biex jaqrawh u oħrajn jippreferu ma jitkellmuhx u lil uliedhom ikellmuhom biss bl-Ingliż.

Jeremy, twieled u għex iċ-Ċina, iżda jaf jitkellem, jaqra u jitkeb il-Malti daqs il-Maltin jekk mhux aktar ukoll.

L-appell ta’ Jeremy, minkejja li għad għandu 8 snin, huwa wieħed ċar ħafna: “Jekk ma tafx il-Malti sew tgħidx li int Malti ta’ veru.”

Jeremy twieled iċ-Ċina u jgħix hemm ma’ ommu u missieru, iżda sa minn meta kien żgħir, il-ġenituri tiegħu kienu jkellmuh bil-Malti. Jirrakonta kif ommu, meta tinżel Malta, iġġiblu magħha kotba tal-grammatika u letteratura Maltija.

Minkejja li jaf sewwa l-Malti, Jeremy jitkellem ukoll l-Inġliż u anke ċ-Ċiniż.

Missier Jeremy jispjega li meta hu u martu telgħu ċ-Ċina għamluha ċara li lil uliedhom iridu jibqgħu jkellmuhom bil-Malti. Fil-fatt anke ħu Jeremy li għandu 16-il sena jitkellem bil-Malti sewwa ħafna.

“Ma nħossnix tajjeb li nisma’ ġenituri Maltin ikellmu lil uliedhom bl-Ingliż,” qal missier Jeremy. “Il-lingwa tagħna għandha tkun xi ħaġa li nitkellmuha, niktbuha u naqrawha tajjeb.”

Dwar Jeremy qal li mhux faċli li jitgħallem il-Malti. Fl-iskola jitkellem biċ-Ċiniż u bl-Ingliż, u huwa fil-ftit ħin li jkun id-dar li jitkellem il-Malti u jistudjah jew is-Sibt jew il-Ħadd.

L-intervista ma’ Jeremy u missieru saret minn George Cremona u xxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK

Artiklu ta’ Yendrick Cioffi mis-sit http://www.newsbook.com

Biex tisma’ l-awdjo agħfas fuq din il-ħolqa: http://www.newsbook.com.mt/artikli/2016/1/3/awdjo:-tifel-mic-cina-jappella-lill-maltin-biex-japprezzaw-il-malti.40260/

Posted in Uncategorized | Leave a comment

110,000 żjara lis-sit matul l-2015. Grazzi!

WordPress.com ippreparalna rapport bl-istatistika għas-sena 2015.

Silta minnu:

The Louvre Museum has 8.5 million visitors per year. This blog was viewed about 110,000 times in 2015. If it were an exhibit at the Louvre Museum, it would take about 5 days for that many people to see it.

Agħfas hawn biex tara r-rapport kollu.

Posted in Uncategorized | Leave a comment