Nhar it-Tlieta 4 ta’ Ġunju 2019, bejn is-6.00pm u t-8.30pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti se jagħmel seminar pubbliku dwar ir-rappreżentazzjoni tal-irvellijiet tas-Sette Giugno fil-Letteratura Maltija. Il-kelliema se jkunu l-Prof. Oliver Friggieri, il-Prof. Adrian Grima, Maria Simiana, u Mark Vella.
Dan is-seminar, li hu parti mis-sensiela tat-Taħditiet tad-Diploma fil-Letteratura Maltija, se jitmexxa mill-Prof. Bernard Micallef, kap tad-Dipartiment tal-Malti, u se jinfetaħ mill-Prof. Dominic Fenech, Dekan tal-Fakultà tal-Arti u storiku ewlieni ta’ dan il-perjodu.
Fis-7 ta’ Ġunju ta’ din is-sena, infakkru l-mitt sena minn dakinhar li seħħu dawn il-ġrajjiet imdemmija li ħallew impatt ukoll fuq il-letteratura Maltija, speċjalment fuq il-kittieba Soċjorealisti, fosthom including Ġużè Orlando, li kien fi Triq l-Ifran waqt l-irvellijiet, Ġużè Bonnici, Juann Mamo, Ġużè Ellul Mercer, u Ġużè Chetcuti.
Din l-attività hija miftuħa għal kulħadd u wara jkun hemm bibita.
Il-Prof. Oliver Friggieri se jitkellem fuq “L-isfond Politiku u Kulturali tas-Sette Giugno” waqt li l-Prof. Adrian Grima se jitkellem dwar “Is-Sette Giugno ta’ Juann Mamo u Ċensu Bugeja.” Maria Simiana se tħares lejn dak li jgħidu Ġużè Orlando, Ġużè Bonnici u Ġużè Chetcuti dwar din il-ġrajja. Mark Vella se jieħu spunt mill-unika darba li jissemma s-Sette Giugno fil-kitbiet letterarji ta’ Ellul Mercer sabiex iqajjem għadd ta’ kunsiderazzjonijiet u mistoqsijiet dwar ir-relazzjoni tal-Istorja u l-politika mal-letteratura.
Fir-rakkont ta’ dak li ra b’għajnejh fit-toroq tal-Belt nhar is-7 ta’ Ġunju 2019, Ġużè Orlando jgħid li ried jikteb joffri x-xhieda tiegħu “Sabiex ma jasalx żmien li jitfaċċaw fariżej li forsi jagħtu s-salt illi jqallbu l-ġrajja għall-ħsibijiet tagħhom, u jpinġu l-irvell li sar għal xi skop ieħor flok bil-veru sens ta’ patrijottiżmu, u xejn aktar.”
Waqt is-seminar se jkun hemm żewġ kotba dwar din il-ġrajja għall-bejgħ bi prezz speċjali, Ir-Rivoluzzjoni Maltija ta’ Michael A. Sant (SKS 2009) u t-tieni edizzjoni X’Kien Ġara Sew fis-Sette Giugno ta’ Paul Bartolo (KKM 2019).
Dawk li jixtiequ aktar tagħrif jistgħu jaraw il-paġna ta’ Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta jew jiktbu lil adrian.grima@um.edu.mt.
It-tpinġija:
It-tpinġija ta’ Gianni Vella tal-1919, li kien preżenti fil-każin ta’ La Giovine Malta fejn kienet qed tiltaqa’ l-Assemblea Nazzionali meta daħħlu wieħed mill-midrubin is-Sibt 7 ta’ Ġunju, tinsab f’kollezzjoni privata. L-istampa ttieħdet minn dan l-artiklu f’Times of Malta. https://www.timesofmalta.com/articles/view/20110605/life-features/Between-myth-and-reality.369196