Fi tmiem din is‑sena skolastika naħseb kulħadd iħares ftit lura biex jara dak kollu li jkun wettaq. Kemm xogħol, kemm korrezzjonijiet, kemm laqgħat, kemm pariri u kemm lezzjonijiet ikunu saru! Huwa sodisfazzjon kbir meta tara tant studenti li ħdimt magħhom matul ix‑xhur, iġibu r‑riżultati mixtieqa. Daqqiet l‑għan ikun intlaħaq u daqqiet ma jkunx intlaħaq għalkollox. Kultant ma tkunx xi ħaġa akkademika, imma xi parir jew kelma ta’ inkoraġġiment li xi student jew studenta jkollhom bżonn. Xi drabi tħoss sodisfazzjon kbir, oħrajn tħoss xi diżappunt. Fil‑ħajja tagħna niltaqgħu ma’ kull tip ta’ sfida u huma dawn l‑isfidi li jġegħluna nibqgħu għaddejjin u nistinkaw. Għaliex l‑importanti mhux li jirnexxilek dejjem. L‑importanti li int dejjem tagħmel ħiltek bl‑aħjar mod possibbli.
Din is‑sena jien qed inħares lura mhux biss lejn din is‑sena li għaddiet imma qed inħares lura lejn il‑karriera kollha tiegħi bħala għalliema u bħala kap tad‑dipartiment. Dan għaliex din kienet l‑aħħar sena tiegħi tax‑xogħol. Matul dawn is‑snin iltqajt ma’ ħafna sfidi differenti, li wħud tawni sodisfazzjon u oħrajn li ħabtu se jaqtgħuli qalbi. Mhux dejjem kien faċli, u forsi mhux dejjem irnexxieli imma nħoss li b’moħħi mistrieħ nista’ ngħid li dejjem ippruvajt nagħmel ħilti bl-aħjar mod possibbli.
Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollha li ħdimt magħhom kemm fl‑iskola kif ukoll fis‑Segretarjat u nawgura lil kulħadd jiem ta’ mistrieħ mistħoqq.
Phyllis

Is-Sa Phyllis Debono fl-aħħar ġurnata tagħha mal-kollegi tas-Segretarjat. Hawn tidher ma’ Fr Charles Mallia, Dr Rose Anne Cuschieri u s-Sa Marion Pace Asciak u s-Sa Josephine Debattista li rtiraw ukoll. Grazzi tal-ħidma tagħkom!