It-tieni stqarrija tal-istituzzjonijiet u l-għaqdiet tal-Malti
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, fi stqarrija tal-4 ta’ Diċembru, ried iserrħilna rasna li ħoloq kumitat biex isaħħaħ il-Liġi tal-Ilsien Malti. Iżda l-Ministru ma spjegax għaliex dan għamlu minn wara dahar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, entità awtonoma mwaqqfa mill-Parlament Malti b’unanimità.
Fis-sajf il-Ministru fetaħ konsultazzjoni pubblika b’dokument għad-diskussjoni mimli żbalji u inkoerenzi. Dan ukoll għamlu minn wara dahar il-Kunsill tal-Malti li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu stess.
Fil-Forum Nazzjonali tas-7 ta’ Novembru li sar b’inizjattiva tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-proposti li ngħataw minn 200 ruħ minn firxa wiesgħa ħafna ta’ nies f’diskussjoni miftuħa u demokratika kienu l-oppost ta’ dak li ħabbar il-Ministru ftit minuti wara fi tmiem l-istess forum.
Id-diskussjoni fil-Forum dwar “Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti: Ilbieraħ, Illum u Għada” tmexxiet minn Dr Carmen Sammut u r-rapport uffiċjali dwarha sar minn Dr Mario Thomas Vassallo. Aħna nistennew li l-Ministeru jimxi fuq il-proposti li ħarġu minn din id-diskussjoni u xejn iżjed. Il-Forum irrikonoxxa l-ħidma “tassew impressjonanti” tal-Kunsill fl-ewwel għaxar snin, ħidma “mifruxa f’diversi oqsma li ħolqot kuntatt ma’ diversi setturi tal-politika, l-ekonomija u s-soċjetà,” iżda qal li l-Kunsill irid juri iżjed lill-pubbliku x-xogħol li qed jagħmel.
Il-Forum Nazzjonali insista li “l-Kunsill tal-Malti għandu jibqa’ kunsill regolatorju li wara proċessi ta’ konsultazzjoni wiesgħa jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu jorbtu b’liġi.” Qal ukoll li “l-formazzjoni tal-membri tal-Kunsill għandha tibqa’ awtonoma u ħielsa mill-indħil politiku.” Dawn għalina huma stqarrijiet fundamentali.
Il-Forum wasal għal numru ta’ konklużjonijiet importanti oħrajn:
- Il-liġi tistipula t-twaqqif taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Malti. Peress li dan għadu ma sarx, għandha tingħata importanza biex isir progress f’dan il-qasam.
- Għandu jsir sforz mill-ġdid biex fil-Kunsill jitwaqqaf sottokumitat għall-bżonnijiet tal-Maltin li jgħixu barra.
- Għandhom jissaħħu l-isforzi biex jintlaħqu l-barranin f’pajjiżna biex jitgħallmu l-Malti. Dan għandu jkun pern kruċjali fil-politika ta’ integrazzjoni li qiegħda titfassal.
- Il-konsultazzjoni tal-Kunsill tal-Malti mal-istituzzjonijiet Ewropejtat-traduzzjoni għandha ssir permezz tal-ħatra ta’ żewġ rappreżentanti, wieħed għal kull naħa, biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni bejniethom.
Aħna bħala istituzzjonijiet u għaqdiet li naħdmu favur l-iżvilupp tal-Malti bħala lingwa moderna nistennew li l-Ministru tal-Edukazzjoni jirrispetta l-proċess miftuħ u demokratiku li nieda hu stess flimkien mal-Kunsill tal-Malti skont kif titlob il-liġi u jimxi mal-konklużjonijiet tal-Forum Nazzjonali.
Aħna m’għandna ebda fiduċja fid-deċiżjoni tiegħu li jwaqqaf kumitat ta’ erbgħa min-nies magħżulin minnu. Għandna fiduċja f’Kunsill Nazzjonali awtonomu u rappreżentattiv u fil-proċess miftuħ u demokratiku tal-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti li fih ġie diskuss il-preżent u l-futur tal-Malti fil-miftuħ.
Din l-istqarrija qed tinħareġ minn dawn l-għaqdiet u l-istituzzjonijiet:
L-Akkademja tal-Malti
L-Għaqda tal-Malti – Università
L-Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi
Id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta
L-Istitut tal-Lingwistika tal-Università ta’ Malta
Id-Dipartiment tal-Malti tal-UOM Junior College