Ta’ kull sena, aħna l-Kapijiet tad-Dipartiment qed nintalbu nagħtu titwila tajba lill-karti tal-eżamijiet ta’ xi sena partikulari. Jintgħażlu tliet skejjel bix-xorti – kull sena differenti – u noħorġu rapport individwali bil-miktub fuq dawn it-tliet karti. Imbagħad nagħtu ħarsa ’l-karti tal-iskejjel kollha u noħorġu rapport ġenerali.
L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li filwaqt li naraw li qed jinżamm livell tajjeb fit-tfassil tal-karti tal-eżamijiet, naraw liema tfassil hu tajjeb u nirrakkomandawh. Fl-istess ħin nuru x’kienu n-nuqqasijiet ta’ xi wħud mill-karti biex ma jirrepetux ruħhom.
Matul is-sena skolastika 2012-2013 se nkunu qed induru l-iskejjel kollha u nagħtu rispons lil kull għalliem/a tal-ħames sena dwar il-karta li fassal/fasslet. B’dan il-mod naċċertaw ruħna li l-osservazzjonijiet tagħna jkunu waslu għand kulħadd. Fl-istess waqt se nerġgħu nanalizzaw il-karti tal-ħames sena biex in-nuqqasijiet li dehru fil-karta ta’ Frar 2012 ma jerġgħux ikunu repetuti fi Frar 2013.
Ilkoll naqblu li l-karta tal-eżami tal-ħames sena għandha sservi ta’ taħriġ tajjeb għal qabel l-eżami taċ-ĊES. Għaldaqstant il-karta tal-mock, kif inħobbu nirreferu għaliha aħna l-għalliema, kemm jista’ jkun għandha tkun mera tal-karta taċ-ĊES. Nawguraw li dan l-eżerċizzju twil ikun ta’ għajnuna għall-għalliema kollha tal-ħames sena u li minnu joħroġ il-frott kif għamilna mal-għalliema tas-snin l-oħra tas-sekondarja fl-eżerċizzji li għaddew. Hija okkażjoni li tlaqqagħna flimkien biex inkunu ta’ gwidi, aktar milli spetturi, ta’ sħabna l-għalliema tal-Malti fl-iskejjel Sekondarji tal-Knisja.
Ir-rapport issibu mit-taqsima ‘L-Eżamijiet’ tal-lemin tal-blogg.