L-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025, fil-5.30pm, f’Sala Pietru Pawl Saydon (ALT)

Imexxi l-Prof. Bernard Micallef
Programm tal-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera
| 5.30pm | Ftuħ tal-Konferenza Prof. Carmen SammutProrettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità |
| 5.32pm | Kostum Magħruf bi Ħjata ĠdidaProf. Adrian Grima Editur tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat |
| 5.45pm | Il-Proċess tat-Traskrizzjoni: L-Isfidi u l-Karatteristiċi tal-Kitba ta’ Concetta Brincat Maria Simiana Traskrittriċi tar-rumanzi ta’ Concetta Brincat |
| 6.00pm | Ir-Rivoluzzjoni Franċiża u Malta tal-Bidu tas-Seklu Għoxrin Dr Simone AzzopardiStorika tal-aħħar tal-perjodu Modern u l-Kontemporanju |
| 6.15pm | Qari ta’ Il-Familja de Valereux fid-Dawl tar-Rumanz Gotiku Dr Marilyn MalliaStudjuża tar-rumanz Gotiku |
| 6.30pm | L-Iżvilupp tal-Karattri Femminili fir-Rumanz ta’ Concetta BrincatFrancesca XuerebAwtriċi ta’ teżi fuq ir-rumanz ta’ Concetta Brincat |
| 6.45pm | Pawża |
| 7.00pm | L-Element Reliġjuż fir-Rumanz Il-Familja de Valereux Fr Ray Gatt OPStudjuż tat-Teoloġija |
| 7.15pm | Tazza Nbid u Skutella Kafè: L-Identità Kulinari fir-Rumanz ta’ Concetta Brincat Dr Noel ButtigiegStudjuż tal-istorja tal-ikel |
| 7.30pm | L-Ilbies Sofistikat fir-Rumanz ta’ Concetta BrincatCaroline TonnaStudjuża tal-istorja tal-ilbies |
| 7.45pm | Wirja u Spjega tal-Ħwejjeġ li Jissemmew fir-Rumanz mill-Kollezzjoni Nazzjonali tat-Tessuti ta’ Heritage Malta Annamaria GattKuratriċi tal-Kostumi u t-Tessuti ta’ Heritage Malta |
| 8.00pm | Ritratt u Diskussjoni |
| 8.25pm | Għeluq |
| 8.30pm | Riċeviment żgħir |
Nhar l-Erbgħa 15 ta’ Ottubru 2025, fil-5.30pm, f’Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tal-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, se ssir konferenza interdixxiplinarja bil-Malti fuq ir-rumanz Il-Familja de Valereux jew Louis Mitluf Ġewwa l-Bosk ta’ Concetta Brincat. Dan ix-xogħol, li se jiġi ppubblikat għall-ewwel darba mill-Klabb Kotba Maltin u jitnieda fil-konferenza, inkiteb fl-1919, u għalhekk huwa l-ewwel rumanz oriġinali bil-Malti miktub minn mara li nafu bih, erbgħin sena qabel Nokkla Sewda ta’ Mary Meylak. Din il-konferenza qed tittella’ mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bl-għajnuna tal-Klabb Kotba Maltin u Heritage Malta.
Disa’ kelliema minn oqsma differenti se joffru għadd ta’ perspettivi dwar dan ir-rakkont li għandu x-xeħta ta’ rumanz tal-faxxiklu tal-bidu tas-seklu għoxrin imma għandu wkoll il-karatteristiċi pjuttost partikulari tiegħu. Fi żmien meta l-awturi Maltin kienu qegħdin jittraduċu jew jaddattaw rumanzi Taljani jew Franċiżi għall-Malti, jidher li Concetta Brincat għażlet li tikteb xogħol oriġinali imma fil-qafas tal-mudell magħruf.
Il-ġrajjiet u l-karattri li tirrakkonta Brincat jimxu skont mudelli stabbiliti, u d-djalogu għandu sehem kbir f’rakkont li jħabbat it-tajjeb mal-ħażin. Imma fi ħdan dan il-mudell tar-rumanz tal-faxxiklu, bil-karattri tipiċi, l-avventuri, il-kumbinazzjonijiet straordinarji, it-travestimenti kontinwi, u l-emozzjonijiet kbar, hemm mumenti sbieħ meta l-karattri nisa jasserixxu l-personalità tagħhom, meta l-ikel joħloq relazzjonijiet, meta l-ilbies jirrakkonta l-awtorità soċjali u kulturali tal-karattri, jew l-umiltà tagħhom.
Barra minn hekk, waqt li l-istorja hija ambjentata kollha kemm hi fi Franza u l-Belġju, speċjalment f’Pariġi fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, ir-rumanz donnu jirrakkonta wkoll l-istorja ta’ familja Maltija fqira bħal dik li trabbiet fiha Concetta Brincat, xebba Sciberras, fil-Laqxija, Birkirkara, u mbagħad fil-belt ta’ Konstantina, fl-Alġerija kkolonizzata mill-Franċiżi.
Il-konferenza se tinfetaħ mill-Prof. Carmen Sammut, Prorettur għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Impjegati u l-Kuntatt mal-Komunità. Il-kelliema fl-ewwel parti se jkunu l-Prof. Adrian Grima, l-editur tar-rumanz, li se jitkellem fuq x’provi testwali għandna f’idejna biex ngħidu li dan mhuwiex traduzzjoni jew addattament tax-xogħol ta’ ħaddieħor; Maria Simiana li se titkellem fuq il-proċess tat-traskrizzjoni tar-rumanz mill-pitazzi li kitbet fuqhom l-awtriċi; l-istorika Dr Simone Azzopardi li se tqiegħed ir-rakkont fil-kuntest tal-ġrajja tar-Rivoluzzjoni Franċiża u l-ħajja f’Malta fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu għoxrin; Dr Marilyn Mallia li se taqra dan l-ewwel rumanz ta’ mara bil-Malti fid-dawl tal-konvenzjonjiiet tar-rumanz popolari fl-Ewropa ta’ żmienha; u u Francesca Xuereb, li se titkellem fuq l-iżvilupp tal-karattri femminili f’dan ir-rumanz.
Fit-tieni parti, se jitkellmu Fr Ray Gatt OP, li se jiddiskuti l-elementi reliġjużi; Dr Noel Buttigieg li se jħares lejn il-kultura tal-ikel u x-xorb li jidħlu regolarment fl-istorja; Caroline Tonna li se tifli s-sinifikat tal-ħafna deskrizzjonijiet tal-ilbies tan-nobbli u tan-nies komuni; u Annamaria Gatt, minn Heritage Malta, li se turi xi lbies li jissemma fir-rumanz u li jinsab fil-kollezzjoni nazzjonali, fosthom il-kabozza.
Id-dħul għall-Konferenza Concetta Brincat: L-Ewwel Rumanziera,, huwa b’xejn u jista’ jattendi kulħadd. Sala Pietru Pawl Saydon (ALT) tinsab maġenb id-daħla tal-Fakultà tal-Arti, wara Sala Temi Zammit. Aktar tagħrif fuq il-paġna tad-Dipartiment tal-Malti fuq Facebook.
