Aġġornament fil-karta tal-eżami ĊES Mejju 2025

Mistoqsijiet fuq Bejn Ħaltejn u fuq Hemm Art fil-Folja

Għas-sessjoni tal-2025, kemm dik Prinċipali kif ukoll Supplementari, il-Bord tal-MATSEC iddeċieda li għat-taqsima tal-Letteratura, se joħorġu mistoqsijiet fuq il-ktieb Bejn Ħaltejn u l-kandidat jista’ jwieġeb lilhom minflok il-mistoqsijiet fuq il-ktieb Hemm Art fil-Folja. Il-karta tal-eżami tal-2025 se tkun b’dan il-format li ġej:

Fl-Ewwel Karta Controlled (livell 1-2-3) tal-kandidati privati, f’Taqsima D tal-Letteratura, apparti r-referenza għall-kuntest fuq il-ktieb Hemm Art fil-Folja kif jindika s-sillabu u l-karta mudell, se jkun hemm ukoll referenza għall-kuntest fuq test letterarju minn Bejn Ħaltejn. Dan l-eżerċizzju bħal dak ta’ Hemm Art fil-Folja se jkollu 7 mistoqsijiet, bl-aħħar mistoqsija tkun tirrikjedi tweġiba ta’ 100 kelma. It-taqsima se tkun ta’ 20 marka skont kif diġà jindika s-sillabu.

Fit-Tieni Karta Controlled (livell 1-2), f’Taqsima D tal-Letteratura, it-taħriġ fuq test mhux imħejji, li jiswa 10 marki, se jibqa’ kif inhu għall-kandidati kollha kif jindika s-sillabu u l-karta mudell. Fil-komponiment letterarju, apparti żewġ mistoqsijiet fuq Hemm Art fil-Folja se jkun hemm ukoll żewġ mistoqsijiet fuq Bejn Ħaltejn fejn il-kandidati jridu jagħżlu titlu wieħed u jiktbu 150 kelma. Il-komponiment letterarju se jkollu wkoll 12-il marka xorta waħda.

Fit-Tieni Karta Controlled (livell 2-3), f’Taqsima D tal-Letteratura, it-taħriġ fuq test mhux imħejji, li jiswa 10 marki, se jibqa’ kif inhu għall-kandidati kollha kif jindika s-sillabu u l-karta mudell. Fil-komponiment letterarju, apparti żewġ mistoqsijiet fuq Hemm Art fil-Folja se jkun hemm ukoll żewġ mistoqsijiet fuq Bejn Ħaltejn fejn il-kandidat irid jagħżel titlu wieħed u jikteb 200 kelma. Il-komponiment letterarju se jkollu 12-il marka xorta waħda.

This entry was posted in Uncategorized. Bookmark the permalink.

Ħalli messaġġ

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.