Artiklu maħruġ fuq Newsbook.com.mt, kitba ta’ Frederick Zammit
Id-dokudrama Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer se jkun qed jerġa’ jixxandar fuq TVM mis-Sibt 16 ta’ Mejju fl-4.45pm.
Dan hu l-uniku rumanz ta’ Francis Ebejer miktub bil-Malti, ippublikat l-ewwel darba mill-KKM fl-1985. Il-produzzjoni tas-sensiela televiżiva, b’addattament u direzzjoni ta’ Albert Marshall, hi ta’ Horizons.
Ir-rumanz Il-Ħarsa ta’ Rużann hu l-aktar konċiż li qatt kiteb. Fil-qasam letterarju jsejħulu rumanz “minimalista,” fis-sens li minkejja l-qosor tiegħu jirnexxilu jgħid ħafna. Fil-fatt dan ir-rumanz jiġbor l-istorja ta’ Malta bejn wieħed u ieħor mill-erbgħinijiet tas-seklu dsatax, meta Malta kienet għadha ma sabitx saqajha taħt l-Ingliżi, sal-1974 u lil hinn, meta Malta saret Indipendenti u Repubblika.
Ebejer jirrakkonta l-istorja ta’ ġenerazzjoni li titnissel minn relazzjoni bejn Baruni b’ideat liberali u t-tfajla raħlija Rużann, li Ebejer ifissirha fi ftit kliem bħala “Tfajla għalkollox Maltija, fjura tal-Mediterran.” Fi wliedha u fi wlied uliedha tinġabar l-istorja tat-taħbit u l-iżvilupp soċjali, edukattivu politiku ta’ dawn il-gżejjer. Ebejer juża kemm stil realistiku ta’ rakkontar u kemm l-istil riflessiv li jidħol fil-qalba tar-rakkont. Dan kollu jagħmlu b’teknika letterarja milquta u mirquma billi dan kollu “jidher” fil-ħarsa ta’ Rużann hi u ssegwi l-ġenerazzjonijiet tagħha.
Anton Farrugia, Anthony Ellul, Anna Bassily, Narcy Calamatta, Antonella Galea Loffreda, Christine Micallef, Karen Magro, Michael Sciortino u Sarah Lee Zammit huma fost dawk li jieħdu sehem f’din il-produzzjoni.