Laqgħa bejn l-għalliema tal-Malti u l-Uffiċjali tal-Matsec

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-iskejjel tal-Knisja organizzaw laqgħa l-Kurja tal-Arċisqof għall-għalliema tal-Malti tar-raba’ u l-ħames sena. L-intenzjoni tal-laqgħa kienet li jlaqqgħu l-għalliema mal-uffiċjali tal-Matsec u jitkellmu flimkien dwar dak li jistennew l-eżaminaturi fil-komponiment ġenerali tal-eżami tal-Malti. Għal-laqgħa ġew il-Professur Charles Briffa u Dr Joe Axiaq għan-naħa tal-Matsec u kien hemm ukoll xi ħamsa u għoxrin għalliem/a.

Claire Zerafa introduċiet il-laqgħa u l-kelliema u qalet kemm laqgħat ta’ dan it-tip huma importanti għalina l-għalliema. Qalet ukoll li din kienet l-ewwel laqgħa minn sensiela ta’ laqgħat li l-Kapijiet tad-Dipartiment kellhom intenzjoni li jagħmlu.

Dr Axiaq imbagħad qal li b’din il-laqgħa l-Kapijiet tad-Dipartiment Claire u Phyllis qed ikomplu x-xogħol li kien beda hu meta bħala Kap tad-Dipartiment kien jorganizza laqgħat simili għall-għalliema, uħud minnhom kienu wkoll preżenti għax kienu għadhom jgħallmu. Qal ukoll li dawk id-diffikultajiet dwar il-Matsec li ġieli ġewh bħala għalliem, issa seta’ jispjegahom aħjar għax kienu x-xogħol tiegħu.

Prof. Briffa beda billi tkellem fuq ir-rapport tal-eżaminaturi li l-Matsec joħroġ kull sena. Fil-fatt, waqt id-diskors tiegħu kien hemm ukoll power point tal-punti prinċipali tar-rapport tal-eżaminaturi li ħareġ din is-sena. Dan ir-rapport tista’ tarah minn hawn.

Prof. Briffa għamel enfasi kbira dwar l-importanza ta’ dan ir-rapport mhux biss għall-għalliema imma anke għall-istudenti. L-għalliem jista’ jieħu ħafna punti minnu u jibbaża l-lezzjonijiet tiegħu fuqu.

Prof. Briffa qal ukoll li l-eżami kollu hu riżultat ta’ kors sħiħ. L-università trid tiċċertifika li dak l-istudent laħaq ċertu livell. Student li wasal biex jiggradwa jkun wasal sa livell waqt li student taċ-ĊES għandu livell ieħor u allura hemm differenza bejn esej ta’ dawn it-tnejn. L-istudenti jistgħu jkunu jafu humiex ippreparati biżżejjed billi jaħdmu l-aħħar tliet karti tal-Matsec u skont kif imorru fihom għandu jkun indikazzjoni biżżejjed għall-għalliem. Jekk student imur tajjeb fl-ewwel karta hemm indikazzjoni li se jġib marka tajba, biss jekk imur ħażin ma jfissirx li mhux se jgħaddi. L-għalliem irid jagħti kas ħafna l-immaniġjar tal-ħin waqt il-ħidma tal-karta. Importanti li l-istudent ikun imħarreġ sew biex ilaħħaq il-karta kollha. Dwar l-iskema tal-karti, qalilna li din tinħadem għall-grupp preżenti. Hi xi ħaġa organika li tibqa’ tibniha, imma ma tibqax l-istess minn grupp għal ieħor.

Dwar il-komponiment ġenerali ntqal li jrid ikollu livell ta’ maturità li jkun laħaq l-istudent mal-età ta’ 16-il sena jew it-tkomplija tal-5 snin fis-sekondarja. Hemm ħafna aspetti importanti x’wieħed jara bħalma huma l-importanza tal-ortografija, il-binja tas-sentenza, it-tqabbil tas-suġġett mal-verb, l-oriġinalità, il-mod ta’ preżentazzjoni u anke l-lingwa figurattiva.

Importanti ħafna hi l-għażla tat-titlu. Kultant ikun hemm problema meta l-istudent ma jagħrafx bejn titlu deskrittiv jew argumentattiv. Problema oħra hi li l-istudenti tagħna għandhom impressjoni li l-aħjar ħaġa hi li jagħżlu titlu narrattiv għax ikun ħafif, meta fil-fatt ma jkun ħafif xejn u hemm iċ-ċans li jiżbaljaw.

In-narrattiv mhux storja. Ittieħed eżempju minn titlu riċenti li kien: Dakinhar li ħadt l-ewwel qatgħa ta’ ħajti.  F’titlu ta’ dan it-tip irid ikun hemm karattru u jrid joħroġ aspett tal-personalità, bħal ngħidu aħna nervuż.  Fil-maġġoranza  tal-każi li għażlu dan it-titlu użaw ambjent ta’ serq – l-omm u l-missier ħarġu għax kellhom tieġ u xi ħadd daħal id-dar biex jisraq. Ħafna drabi rakkont biss u mhux ibbilanċjat għax sakemm jaslu sal-qatgħa jkun it-tmiem tal-komponiment. L-aħjar li tibda mill-qatgħa u mbagħad tgħaddi għall-konsegwenzi, jiġifieri kif affettwatek il-qatgħa u x’ġara minn hemm.

Issemma l-każ ta’ komponiment fejn student kiteb dwar il-qatgħa li ħa wara ħabta bil-karozza. Minħabba l-ħabta l-missier jibqa’ mmankat, imma nbniet relazzjoni qawwija ħafna bejn il-missier u t-tifel. Komponiment bħal dan ma jibqax biss imwaħħal mar-rakkont.   

Il-komponiment bit-titlu Ir-rispett lejn l-anzjani kien l-aħjar wieħed li ġie ttrattat  mit-titli li ngħataw is-sena li għaddiet. Fih kien hemm studenti li kellhom argumenti maturi, uħud minnhom meħuda mill-Istudju Soċjali. Minn student tal-ħames sena hu mistenni li jkun hemm argumenti sodi u maturi. Hu mistenni wkoll li student ta’ dik l-età jaqra gazzetta fil-ġimgħa biex jista’ jibni l-argumenti.

Dwar l-ammont ta’ kliem fil-komponiment Prof. Briffa qalilna li l-ammont hu ta’ 400 kelma, forsi ftit iktar jew ftit inqas. Jekk l-istudent kapaċi jirregola ruħu għal 400 kelma tajjeb ħafna. Biss jekk ikun hemm ħafna inqas jew ħafna aktar, il-marki tiegħu se jonqsu. Dan jgħodd għal kull esej, anke dak letterarju u anke l-ittra. Prof. Briffa qal li l-eżaminaturi tal-universitajiet ta’ barra jkejlu t-tul u dak li hu żejjed jaqtgħuh barra u ma jitqiesx.

Fil-komponiment letterarju, jekk il-kwotazzjoni torbot ma’ dak li qed jingħad, allura l-kliem tal-kwotazzjoni jgħoddu mat-total tal-ammont ta’ kliem. Jekk il-kwotazzjoni ma torbotx, allura l-kliem ma jgħoddux. Barra minn hekk, tajjeb infakkru lill-istudenti li jekk jiktbu żejjed ma jlaħħqux. Importani ħafna l-ippjanar – affarijiet bażiċi huma mitluba minnhom.

Fil-komponiment letterarju importanti li l-istudenti jitgħallmu janalizzaw fi kliemhom u mhux jistudjaw ħafna noti bl-amment. Kultant issib ħafna studju pappagallesk, issib min jistudja komponimenti sħaħ bil-punteġġjatura b’kollox. Prof. Briffa saħaq li lill-istudenti ma rridux nagħtuhom affarijiet biex ngħażżnuhom imma ħwejjeġ li jħaddmulhom moħħhom.

Wara Prof. Briffa tkellem ftit dwar kif għandha ssir il-lezzjoni tal-letteratura. Forsi l-istudenti tagħtihom is-silta biex jippreparawha d-dar u jiġu lesti għal diskussjoni, l-importanti li tara li l-kontenut ħaduh. Tista’ tagħtihom jiktbu komponiment fuq is-suġġett jew poeżija, l-importanti li ġġagħalhom jaħsbu. Anke tagħmlilhom il-mistoqsija “Kieku kont int x’kont tgħid jew tagħmel?” Anke li tgħidilhom jiktbu paragrafu għall-ġimgħa ta’ wara, l-aqwa li jkunu kreattivi.

Kumment li l-uffiċjali għaddew fuq il-karta tal-letteratura kien, li jekk inneħħu l-letteratura  mill-karta,  jeħlu 25% aktar.

Ingħatat din l-iskema tal-marki

kreattività/oriġinalità      -        10

Malti idjomatiku                 -         5

Ortografija                            -         5

Espressjoni u Sintassi      -         5

Dr Axiaq tkellem fuq is-sillabu l-ġdid tal-Matsec – sillabu li se jibda fl-2014. Qal li mistennija toħroġ antoloġija ġdida bl-isem Bejn Ħaltejn li jkun fiha poeżiji, novelli u rumanzett. Mas-sillabu se jkun hemm ukoll karta mudell.

Il-parteċipanti ngħataw fotokopja ta’ żewġ komponimenti tas-sena 2009 u sar taħriġ prattiku dwar il-marka li naħsbu li għandhom jingħataw. Konna sorpriżi bid-differenza li sibna f’waħda minnhom.

Il-laqgħa spiċċat billi min seta’ jibqa’ ftit ieħor ħa kikkra kafè u tkellimna ftit bejnietna. Fl-opinjoni tagħna kienet laqgħa pożittiva ħafna.

This entry was posted in Avviżi, Kuntatt mal-għalliema. Bookmark the permalink.